Ħames puntati oħra mis-serje Manwela

Is-sensiela Manwela tkompli llum fuq l-istazzjon Melita More, mit-Tnejn sal-Ġimgħa fil-5.15pm.

Matul din il-ġimgħa se jkunu qed ikomplu l-intriċċi f’din is-sensiela maħluqa minn Dr Michael Vella Haber u Evelyn Saliba La Rosa.

X’ġaralha Diriana? Claudette fetħet qalbha ma’ Noah. Kif irreaġixxa? U Noah kif baqa’ ma’ Sarah? Jennifer ma’ min iltaqgħet l-isptar? Paul kellem lil Manwela dwar in-nota li kienet sabet imwaħħla mal-bieb tad-dar tagħha. Bernard għaliex ried ikellem lil Jennifer b’urġenza? Kif qed tħossha Diriana u x’qaltilhom dwar dak li kien ġaralha? Claire u Victor jinsabu tassew inkwetati dwar dak ir-raġel li kien mar il-ħanut ta’ Gina. Għaliex u x’qalulha lilha? Claude ried ikellem lil Jennifer u għalhekk ħadha d-dar tiegħu. Fuq xiex tkellmu?

Paul issuġġerixxa xi ħaġa lil Norma. Qablet miegħu jew le? Xi ħadd ċempel lil Jennifer u qalilha biex tmur tiltaqa’ miegħu. Għaliex telqet ‘l barra mingħand Claude b’urġenza? Paul għamel proposta lil Manwela. Tgħid taċċetta jew le u għaliex? X’qaltlu dwar nannietha? Claude u Victor iltaqgħu… x’intqal u għaliex Claude kien irrabjat ħafna ma’ ħuh? X’kienet ir-raġuni li reġgħu qalgħu l-passat? Min mar jara lil Noah. X’riedet? Claude reġgħa mar id-dar ta’ Simone. X’ried ikun jaf mingħandha u għaliex telaq? X’ġara bejn Noah u Sarah. Xi ħadd kien mar għand Sarah. Min u x’kien ġara?

Dan l-ewwel staġun ta’ Manwela, bi produzzjoni ta’ Rewind, kien ixxandar għall-ewwel darba bejn Ottubru tal-2016 u Ġunju tal-2017.