Ħames persuni arrestati wara qabda ta’ dijżil tal-kuntrabandu

Ħames persuni qed jinżammu arrestati wara qabda ta’ dijżil tal-kuntrabandu f’Sa Maison. Il-każ seħħ is-Sibt fil-għaxija meta vann deher riesaq lejn ix-xatt ta’ Sa Maison li waqaf biswit lanċa tas-sajd Maltija li kienet trakkata fil-port ta’ Marsamxett.

Il-membri tad-dwana intervjenew u għamlu tfittxija kemm abbord il-lanċa kif ukoll f’żewġ vannijiet li kien hemm fuq il-moll. Irriżulta li permezz ta’ pompa tal-elettriku kien qed jittella’ d-dijżil u jitbattal f’kontenituri kbar tal-plastik. F’wieħed mill-vannijiet instab kontenitur tal-plastik mimli dijżil filwaqt li fil-vann l-ieħor instabu kontenituri vojta.

Irriżulta li dan il-fjuwil huwa wieħed tal-kuntrabandu. Il-membri tad-dwana elevaw kampjuni mill-11,500 litru dijżil li kien hemm abbord il-lanċa tas-sajd u d-dijżil li kien hemm miġbur fil-kontenitur tal-vann għal aktar stħarriġ.

Ħames persuni ta’ nazzjonalità Maltija, inkluż sid il-lanċa, qed jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet. Il-lanċa tas-sajd, il-pompa tal-elettriku kif ukoll iż-żewġ vannijiet qed jinżammu wkoll għal aktar stħarriġ.