Ħames pajjiżi tal-UE se jieħdu l-immigranti abbord l-Open Arms

Spanish rescue ship Open Arms with migrants on board arrives in Lampedusa, Italy, August 20, 2019. REUTERS/Guglielmo Mangiapane

Ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qablu biex jieħdu bejniethom l-immigranti kollha abbord l-Open Arms, biex b’hekk intemmet b’wiċċ il-ġid, is-saga tal-bastiment li kien ilu 19-il ġurnata bejn sema u ilma b’mitt immigrant barra Lampedusa.

Spanja, Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Portugall qablu bejniethom biex jieħdu l-immigranti li bil-maġġjoranza tagħhom ġejjin mill-kontinent Afrikan.

L-aħbar ġiet ikkonfermata minn kelliem għall-Kummissjoni Ewropea waqt li l-awtoritajiet f’Madrid u Lisbona kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ftehim.

Ritratti: L-Immigranti jiżbarkaw mill-bastiment Open Arms f’Lampedusa

Tove Ernst, kelliema għall-Kummissjoni qalet madanakollu, li dawn l-immigranti mistennija jagħmlu numru ta’ ġimgħat f’Lampedusa sakemm il-pajjiżi li se jospitawhom jagħmlu l-arranġamenti neċessarji.

Min-naħa tagħha, l-aġent Prim Ministru Carmen Calva stqarret li ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi meta ntalbet tgħid jekk il-Gvern Spanjol kienx se jieħu azzjoni kontra l-Open Arms, li hu bastiment Spanjol.