Ħames Ministeri rrifjutaw 63 talba biex tingħata informazzjoni

Ħames Ministeri ewlenin irċevew 157 talba għal informazzjoni minn kemm ilha li daħlet fis-seħħ il-liġi dwar il-Libertà tal-Informazzjoni f'Lulju 2015.
Madankollu 63 talba ġiet irrifjutata u għaldaqstant l-informazzjoni nżammet mistura.
Din l-informazzjoni nngħatat fil-Parlament għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
It-talbiet kollha saru lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru tas-Saħħa, il-Ministeru tal-Ekonomija, il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru tal-Enerġija.
Il-maġġoranza tat-talbiet għamluhom il-mezzi tax-xandir, b’mod partikolari il-midja stampata. L-iktar Ministeru li rrifjuta li joħroġ l-informazzjoni mitluba kien il-Ministeru tal-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, li rrifjuta 25 talba, jiġifieri nofs it-talbiet li rċieva.
Ir-raġuni għaliex l-informazzjoni ma ngħatatx kienet li l-liġi tal-libertà tal-Informazzjoni tgħid li hemm tmien ċirkustanzi fejn l-entità pubblika tista’ ma tikxifx l-informazzjoni mitluba.
Fost dawn, għax l-informazzjoni mitluba “hija ta’ natura sensittiva, informazzjoni personali, hemm klawżoli ta’ kunfidenzjalità jew hija eskluża mill-iskop tal-liġi”.