Ħames konsumaturi jixhdu dwar it-tbagħbis tal-ismart meters

Ħames konsumaturi li kienu kompliċi fi tbagħbis tal-ismart meters illum xehdu fil-Qorti,hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni dwar iż-żewġ eks ħaddiema tal-Enemalta.
Huma spjegaw kif ġew iggwidati sabiex il-kont tad-dawl ma jiġihomx daqstant għoli.
Din ix-xhieda wasslet biex il-Maġistrat Carol Peralta qal li hemm biżżejjed provi biex Emanuel Micallef ta’ 35 sena mill-Imtarfa u Richard Gauci ta’ 47 sena mir-Rabat jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.
Dawn kienu l-ewwel konsumaturi li qed jixhdu f’dan il-każ, wara li ngħataw amnestija u tneħħiet kull azzjoni kriminali fil-konfront tagħhom.
Xehdu wkoll rappreżentant tal-Enemalta u rappreżentanta tal-Avukat Ġenerali.  L-ismart meters ta’ dawn il-konsumaturi ġew ippreżentati fil-Qorti.
Minkejja li d-difiża għal darba oħra talbet għal-libertà proviżorja tal-akkużati, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat.
Il-kumpilazzjoni se tkompli x-xahar id-dieħel.