Ħames karozzi ġarbu ħsarat estensivi meta sfratta żiemel

Ħames karozzi ġarbu ħsarat estensivi meta sfratta żiemel marbut ma’ karozzin għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu fi Triq il-Mediterran, il-Belt Valletta.

Irriżulta li ż-żiemel, li sofra xi ġrieħi fl-inċident, kien marbut ma’ pilastru ta’ tinda tal-karozzini meta sfratta. Għalkemm il-kuċċier ta’ 35 sena, residenti Birkirkara, pprova jżommu, iż-żiemel qatta’ ċ-ċinga li kien marbut biha u ħarab.

Mifxul, iż-żiemel daħal ġo karozza misjuqa minn raġel ta’ 59 sena u residenti San Pawl il-Baħar u wara ħabat ma’ żewġ karozzi oħra li kienu misjuqa minn raġel ta’ 48 sena residenti il-Fgura, kif ukoll minn raġel ta’ 38 sena residenti Ħaż-Żebbuġ. Wara ż-żiemel baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati, fejn waqa’ u kien miżmum.