Ħames kandidati oħra għas-saċerdozju

Nhar il-Ġimgħa li ġej, il-Knisja se tilqa’ ħames seminaristi bħala kandidati għall-Ordni tad-Djaknonat u tal-Presbiterat.
Dan waqt konċelebrazzjoni mmexxija mill-Arċisqof Pawlu Cremona. fil-Knisja Arċipretali ta’ Marija Mtellgħa s-Sema fil-Mosta fis-6.30pm.
Il-ħames seminaristi, li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma Sergio Fenech u Mark Mallia Pawley mill-Parroċċa ta’ San Sebastjan Martri, Ħal Qormi, Claude Mifsud mill-Parroċċa ta’ Marija Mtellgħa s-Sema, il-Mosta, James Saydon mill-Parroċċa ta’ Marija Bambina, in-Naxxar, u Gilbert Scicluna mill-Parroċċa ta’ San Ġużepp, il-Kalkara.
Dakinhar, dawn il-ħames seminaristi ser jistqarru pubblikament li ser joffru lilhom infushom lill-Knisja biex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jservu fis-Saċerdozju Ministerjali permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri.
L-Arċisqof, f’isem il Knisja se jilqa’ bil-ferħ l-offerta tagħhom u se jkun qed jitlob lil dawn il-kandidati biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.