Ħames inkjesti f’ħames snin mill-PM

Fl-aħħar ħames snin, il-Prim Ministru ħatar ħames Bordijiet ta’ Inkjesta, liema inkjesti tlestew u r-rapport finali ġie ppreżentat. L-ewwel bord immexxi mill- Imħallef Emeritus Alberto Magri inħatar f’Novembru 2014 biex jinvestiga l-aġir tal-Ministru tal-Intern u Sigurta Nazzjonali Emmanuel Mallia u jew uffiċjali oħra tal-Ministru inkonnessjoni mal-każ li kien involut fih ix-xufier mal-Ministru kien spara fid-direzzjoni ta’ persuna wara inċident tat-traffiku. Dan ir-rapport wassal għat-tneħħija ta’ Emmanuel Mallia minn Ministru.

F’ April 2016, il-Prim Ministru ħatar lill-eks Ombudsman Joseph Sammut biex immexxi inkjesta dwar l-operazzjoni llegali fl-animal park f’Montekristo Estate. Din l-inkjesta wasslet biex l-animal park jingħalaq.

It-tliet inkjesti l-oħra saru fuq rapporti li dehru fil-gazzetta Maltatoday.

L-eks-brigadier Carmel Vassallo inħatar f’Novembru 2016 biex jinvestiga allegazzjoni li person of trust fis-Segretarjat ta’ Ian Borg wasslet biex l-plejer tal-futbol Daniel Bogdanovic li kien taħt arrest jitħalla jmur jilgħab logħba football mat-tim immexxi mill-istess uffiċjal tas-Segretarjat. L-inkjesta ma sabet l-ebda ndħil politiku biex Bogdanvoic nħeles mill-arrest waqt li kien interrogat fuq każ ta’ vjolenza domestika.

F’Ottubru ta’ l-istess sena, l-Imħallef Emeritus Joseph D Camilleri nħatar biex jinvestiga allegazjonijiet li saru f’artikolu ppubblikat fil-gazzetta MaltaToday tad-9 ta’ Ottubru 2016 ‘Money Laundering Investigation was not pursued when Fenech Adami’s name cropped up’.

Fl-aħħar każ, l-avukat John Vassallo inħatar biex jinvestiga dwar allegat indħil politiku f’kaz ta’ persuni minn Għawdex li ngħataw l-opportunità li jibdlu l-istatement oriġinali li għamlu lill-pulizijia dwar każ ta’ droga kif irrappurtat fil-Maltatoday. L-inkjesta kkonkludiet li ma hemm ebda prova ta’ indħil politiku biex ġie protett jew aġevolat xi ħadd f’investigazzjoni tal-Pulizija dwar droga f’Għawdex.

Dan it-tagħrif ngħata fil-parlament mill-Prim Ministru fuq mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.