Ħames fatti li juru l-verità

Fr Joe Borg, Chairman tal-Bord Editorjali kien l-ewwel ġurnalist Malti li ngħata l-Gold Award “għall-kontribuzzjoni eċċellenti għall-ġurnaliżmu professjonali li tmur lil hinn minn dak normalment mistenni”. Fir-ritratt is-Sur Joe Brockdorff, fundatur ta’ BPC International jippreżenta l-Gold Award lil Fr Joe Borg fl-1998.

Jgħidu li l-ewwel vittma tal-gwerra hija l-verità. Illum is-sitwazzjoni hija agħar. Il-verità saret ukoll il-vittma ta’ kultura li ma temminx fil-fatti iżda temmen biss fl-opinjonijiet, anke meta dawn ikunu bbażati biss fuq il-qlajja.

Illum kulħadd iħarbex fuq Facebook u jaqla’ minn żniedu fuq it-televiżjoni li t-tnejn saru verżjoni biżarra taċ-ċirklu tal-kummiedja. L-aqwa l-clicks u r-rating u x’jimpurtahom mill-verità. Hemm min jagħmel hekk għall-popolarità u hemm min jagħmel hekk għall-flus. L-Arċisqof, waqt intervista li se tixxandar illejla fuq RTK 103FM, qal li saħansitra hawn min iħallas lin-nies biex jgħidu kontrih!

LIVE: Hawn min iħallas lin-nies biex jiktbu kontra l-Arċisqof?

Ħames fatti li jagħmlu ġieħ lil RTK 103FM/Newsbook

F’dawn il-ġranet dan iċ-ċirklu kien fl-aqwa tiegħu b’attakki fuq il-midja tal-Knisja u l-ġurnaliżmu li nipprattikaw. Insomma jekk jattakkaw u jivvilifikaw lill-Arċisqof ma neħduhiex bi kbira li jattakkaw lilna. Kellna aġġettivi ikkuluriti galore: oxxeni, żbilanċjati, paġna sewda. Sarilna ġudizzju minn min ftaħar li la jarana u lanqas jismagħna. Dan kollu jagħmel dak li jitqies bħala “good television” fit-tradizzjoni tal-kultura post-truth u tal-junk TV.

Aħna għall-kuntrarju nippreferu l-fatti:

Fatt Numru 1

Tellgħuna ħafna drabi quddiem l-Awtorità tax-Xandir. Akkużawna kif akkużawna wħud din il-ġimgħa. L-Awtorità dejjem sabet li l-akkużi kienu mibnija fuq il-gideb. Tlifna darba biss. Qabel l-elezzjoni tal-2017 l-Awtorità kkundannatna għax xandarna materjal favur il-Gvern Laburista li l-Awtorità qalet li ma kellniex inxandruh.

Fatt Numru 2

Kitbu u gidbu minn kollox fuqna. Morna l-Qorti ħafna drabi biex niddefendu isimna. Dejjem irbaħna. Il-Qorti qalet li min akkużana b’nuqqas ta’ bilanċ, rapporti foloz jew abbużi ġurnalistiċi ma kienx qed jgħid il-verità.  Minn akkużana ħareġ ta’ giddieb, l-ewwel mill-Awtorità tax-Xandir u mbagħad mill-Qorti wkoll.

Fatt Numru 3

Studju xjentifiku li sar qabel l-elezzjoni u li eżamina mijiet ta’ eluf ta’ kitbiet fuq il-mezzi kollha tal-midja f’Malta qabel l-elezzjoni tal-2017 sab li Newsbook kellu l-aktar kontenut u kummentarji bbilanċjati mill-midja kollha.

Fatt Numru 4

Minn mindu bdiet ir-riforma tal-midja tal-Knisja f’Jannar 2017 l-udjenzi ta’ Newsbook żdiedu ħafna kull xahar. Żdiedu wkoll bil-kbir l-għadd ta’ paġni li jinqraw u l-għadd ta’ drabi li n-nies jidħlu fi Newsbook. Jista’ jkun li hawn min mhux dejjem jieħu gost b’dawn iż-żidiet qawwija.

Fatt Numru 5

Studju ta’ riċerka kwalitattiva li sar fi tmien is-sena l-oħra wera li l-RTK jitqies bħala l-aktar stazzjon ibbilanċjat f’Malta. Dan jikkonferma dak li kien inkiteb f’Rapport Annwali tal-Awtorità tax-Xandir fid-Disgħinijiet meta kienu diġà bdew l-attakki fuq l-RTK. Skont ir-Rapport tal-Awtorità, l-RTK kien stabbilixxa ruħu bħala l-aktar stazzjon bilanċjat.

Ġurnaliżmu mibni fuq il-fatti; aġenda msejsa fuq il-valuri

Fl-RTK u fi Newsbook niftaħru bi tradizzjoni ta’ ġurnaliżmu serju mibni fuq il-fatti. Żbalji nagħmlu għax aħna umani, iżda tul is-snin kxifna stejjer li ġabu riżenji u anke bidliet importanti. Ikollna stejjer umani qawwija u stejjer investigattivi importanti. Tul is-sena li għaddiet ħriġna b’sensiela ta’ stejjer esklussivi. Barra minn hekk aħna l-aktar websajt tal-aħbarijiet li tagħti importanza lil stejjer dwar il-Knisja. U fil-programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti jkollna opinjonijiet differenti fuq is-suġġetti li niddiskutu.

Il-ġurnaliżmu tagħna huwa wieħed mibni fuq il-fatti, imsejjes fuq l-ogħla livelli professjonali u animat minn valuri li jseddqu d-dinjità tal-bniedem. Aħna għandna aġenda: tagħna hija l-aġenda tal-verità; tas-solidarjetà; tal-wens lill-persuni vulnerabbli; ta’ ftuħ għall-persuni imwarrba mis-soċjetà neo-kapitalista; tal-governanza nadifa u kontabbli; tat-tolleranza u tal-ġustizzja.

L-aġenda mibnija fuq il-qlajja nħalluha għal ħaddieħor.

Lilkom li ssegwuna nwiegħdukom li nibqgħu nagħmlu kull sforz għall-ġurnaliżmu li jkun: fair, accurate u trustworthy.

Fr Joe Borg – Chairman Bord Editorjali