Il-Ministru b’soluzzjoni għall-Bypass tal-Mellieħa

Wara li bosta qajjmu t-tħassib tagħhom dwar it-tneħħija ta’ korsija mill-bypass tal-Mellieħa, il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg ħabbar li se ġew immodifikati l-pjanti sabiex it-triq tibqa’ b’erba’ korsiji.
Fi stqarrija mill-Ministeru għat-Trasport, intqal kif dan sar mill-periti tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta li dalwaqt se jiffurmaw l-aġenzija ġdida tat-toroq.
Il-pjanti ġew immodifikati b’tali mod li jingħelbu d-diffikultajiet eżistenti permezz tal-introduzzjoni ta’ numru ta’ miżuri ta’ ħarsien mill-inċidenti u faċilitajiet għal min jivvjaġġa bir-rotra, jew bil-mixi, filwaqt li t-triq tibqa’ b’erba’ korsiji, tnejn f’kull direzzjoni.
Fl-istqarrija, il-Ministeru qal li se jkun qed jagħmel minn kollox sabiex il-pjanijiet alternattivi jiġu diskussi mal-awtoritajiet u l-entitajiet kollha kkonċernati.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li s-sitwazzjoni fil-Mellieħa ġiet diskussa numru ta’ drabi fil-Parlament din il-ġimgħa, kif ukoll wara l-bidu ta’ petizzjoni fuq change.org.
Waqt id-diskussjonijiet Parlamentari, il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg insista li l-pjan oriġinali sar b’dak il-mod minħabba s-sewqan bl-addoċċ li wieħed isib fiż-żona, u jgħid li jekk it-triq tiġi biss b’korsija waħda, tkun qed tiġi ndirizzata din il-problema.
Madanakollu, aktar tard, il-Ministru Borg insista li fejn hemm bżonn li jiġu reveduti pjanijiet sabiex ikun hemm riżultati aħjar, se jiżgura li dan iseħħ.
Reazzjoni tal-PN
Intant fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Kumitat tiegħu tal-Mellieħa permezz tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, il-Kunsilliera tal-PN, u ta' dawk li ffirmaw petizzjoni onlajn, wasslu biex il-pjan li kellu l-Gvern ma jsirx u l-bypass tibqa' b'erba' karreġjati.