“Ħalluhom jużaw il-kompjuter fl-eżamijiet”- ġenituri ta’ tfal bid-Dyslexia

Il-ġenituri tat-tfal bid-Dyslexia qed jitolbu li waqt l-eżamijiet uliedhom jitħallew jużaw il-kompjuter u l-calculators sabiex jegħlbu d-diżabilità tagħhom, bħalma jagħmlu fid-dar u fl-iskola. Jinsistu li huma ma jridux li uliedhom ikollhom vantaġġ fuq tfal oħra iżda jridu biss li jkollhom opportunità ndaqs biex juru l-kapaċità intelletwali vera tagħhom.
Din it-talba hi parti mir-rapport tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman dwar bidliet proposti fis-sistema tal-eżamijiet, biex studenti bi bżonnijiet speċjali jitqiesu “differenti imma indaqs” bħal studenti oħra.
Jgħidu wkoll li eżamijiet tas-SEC u l-Matrikola għandhom mentalità li jħallu l-istudenti ‘l barra. Jissuġġerixxu sistema ta’ assessjar regolari u l-użu tal-multiple choice, sabiex studenti li għandhom id-dyslexia jkollhom ċans juru l-kapaċitajiet intelletwali tagħhom.
Il-ġenituri jgħidu li t-tfal b’din il-kundizzjoni għandhom tendenza li jkollhom żbalji fil-kitba u dawn l-iżbalji jiġu skużati f’ħafna mis-suġġetti ħlief fil-lingwi. Jilmentaw li mhux qed tingħata għajnuna lill-uliedhom meta ssir insistenza biex dawn jiktbu mingħajr żbalji fl-ortografija tal-lingwi.
Bħall-ġenituri tat-tfal bl-ADHD, il-ġenituri ta’ tfal bid-Dyslexia jgħidu li  jkunu kostretti jħallsu biex ikollhom rapport mill-privat dwar uliedhom meta r-rapporti mill-iStat idumu biex joħorġu. Kien hemm każi fejn familji ma talbux għall-għajnuna minħabba l-ispejjeż involuti.
L-Università ta’ Malta wieġbet li se tkun qed tiddiskuti l-proposti fir-rapport tal-Ombudsman.