Filmat: “Ħallu liż-żgħażagħ jimirħu” – l-Arċisqof lill-ġenituri

L-Arċisqof Charles Scicluna qal lill-ġenituri li dalgħodu għażlu li jmorru jżuruh sabiex ma jagħlqux l-ispazju liż-żgħażagħ, u jħalluhom jimirħu fil-ħsieb u l-azzjoni.
Mons. Arċisqof kien qed jilqa’ lill-pubbliku fil-Kurja għall-awgurju taż-żmien festiv, u miegħu kellu wkoll lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona, u l-Vigarju Ġenerali Joe Galea Curmi.
Semma frażi minn ittra ta’ San Pawl li qal li tolqtu għax jiġbor fih il-messaġġ dwar iż-żgħażagħ li xtaq jgħaddi. Meta San Pawl jitkellem dwar il-familja, id-dixxiplina u l-imħabba lejn il-missier u l-omm, javża wkoll lill-ġenituri, “Taqtgħulhomx qalbhom”.
Lill-familji miġbura quddiemu, Mons. Scicluna qalilhom biex iħabirku ħalli joħolqu ambjent fejn iż-żgħażagħ iħossu li huma mismugħa.
Aktar tard is-sena d-dieħla l-Arċisqof, flimkien ma’ isqfijiet oħra madwar id-dinja, se jkun qed jiltaqa’ f’Ruma mal-Papa biex jiddiskutu ż-żgħażagħ, fost l-oħrajn.
L-Arċisqof insista wkoll li l-ħajja tibda sa mill-konċepiment u tintemm bil-mod naturali tagħha. Enfasizza li l-Knisja f’Malta għandha tibqa’ tkun xhieda ta’ dan il-valur.
Żied jgħid li t-tfal huma rigal t’Alla.
Finalment temm jitkellem mal-100 persuna għażlu li jiltaqgħu miegħu dwar il-Valletta 2018.
Appella lill-pubbliku biex japprezza s-sbuħija tal-belt kapitali Maltija u l-ambjent ta’ madwarha.
Sostna li l-għarfien ta’ dak li hu sabiħ, bħall-patrimonju u l-ambjent Malti, mhux biss iqarribna lejn Alla iżda jtejbilna l-kwalità ta’ ħajjitna.
Bħala żieda ma’ dak li xtaq jgħid, Mons. Scicluna talab lin-nies biex jibqgħu jċċelebraw it-12-il jum tal-Milied, u ma jneħħux it-tiżjin sal-festa tat-Tre Re fis-6 ta’ Jannar.

Filmat u ritratti: The Church in Malta