​“Ħallu lil min jarakom wara l-Griżma” – l-Arċisqof lill-adolexxenti

L-Arċisqof Charles Scicluna talab lill-adolexxenti biex iħalli lil min jarahom fil-knejjes la darba jagħmlu l-Griżma.
Huwa qal dan waqt omelija fl-okkażjoni tal-amministrazzjoni tas-sagrament tal-Griżma tal-Isqof fis-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu il-Belt Valletta.
L-Arċisqof Scicluna spjega li kulħadd se jkollu ħafna tentazzjonijiet fil-ħajja, kemm fiċ-ċokon kemm fil-kobor iżda huwa hawnhekk fejn jidħol l-Ispirtu s-Santu biex jgħin lill-bniedem jagħmel l-għażla t-tajba.
Iddeskriva l-Ispirtu s-Santu bħala l-avukat li jagħti parir lill-bniedem. Fakkar ukoll f’dak li kien jgħid San Ġorġ Preca dwar Alla meta sejjaħlu “Alla tal-paċi” u mhux tal-inkwiet.
L-Arċisqof Scicluna ta lill-adolexxenti tliet pariri. L-ewwel wieħed huwa dak li jibqgħu jisimgħu dejjem mill-ġenituri tagħhom u biex l-ulied ma jiġġudikawhomx.
Appellalhom biex jibqgħu dejjem ifittxu t-tagħlim u ma jaħsbux li issa li għamlu l-Griżma, tgħallmu kollox.
It-tielet parir tal-Arċisqof kien biex l-adolexxenti jibqgħu jmorru l-quddiesa kull nhar ta’ Ħadd, fejn qal li fil-Belt Valletta hemm knisja ma’ kull kantuniera.
Spjega li dan iservi biex il-bniedem, kull nhar ta’ Ħadd jiċċarġja l-batterija tal-fidi Nisranija tiegħu. Ħeġġiġhom biex ma jibżgħux juru li huma Nsara, u l-mod kif jintgħarfu huwa permezz tal-mod kif iħobbu lil ħaddieħor.
Ritratt: Arkivji