“Ħallu lil dawk li għandhom it-tfal jibqgħu jaħdmu mid-dar” – Il-UĦM lill-Gvern

Id-Direttur tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM) Jesmond Bonello qal li jistenna li ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku li jridu jieħdu ħsieb uliedhom jitħallew jibqgħu jaħdmu mid-dar sakemm jiftħu l-iskejjel u ċ-ċentri taċ-childcare.

F’filmat imxerred fuq il-paġna tal-UĦM fuq Facebook, id-Direttur għadda l-messaġġ tiegħu dwar dan.

Bonello spjega kif xi ħaddiema li jaħdmu fis-settur pubbliku u kienu qegħdin jaħdmu mid-dar minħabba l-imxija tal-coronavirus, issa qed jintalbu jmorru lura x-xogħol minkejja li jridu jieħdu ħsieb lil uliedhom u li ċ-ċentri taċ-childcare għadhom magħluqin. Qal li l-Gvern mhux jipprovdi soluzzjoni biex tal-inqas ġenitur wieħed jibqa’ jieħu ħsieb l-ulied.

Minkejja li ma ħareġ l-ebda komunikat uffiċjali min-naħa tal-Gvern, il-UĦM kisbet din l-informazzjoni mis-sorsi tagħha.

Apparti dan, oħrajn li jgħixu ma’ persuni vulnerabbli wkoll qegħdin isibu ruħhom f’sitwazzjoni diffiċli meta jintalbu jmorru lura għax-xogħol, peress li dawn iridu jieħdu ħsieb lil dawk vulnerabbli.

Għaldaqstant, il-UĦM qiegħda titlob biex fejn hu possibbli, il-ħaddiema bit-tfal żgħar li jridu min jieħu ħsiebhom jibqgħu jaħdmu mid-dar sakemm l-iskejjel u ċ-ċentri taċ-childcare jibqgħu magħluqin.

Bonello ssuġġerixxa wkoll li ladarba tgħaddi l-pandemija, ikun hemm aktar opportunitajiet biex il-ħaddiema jaħdmu mid-dar.

Jesmond Bonello jagħmila ċara li mhux aċċettabli li jinqatgħu allowances meta ħaddiema jingħataw it-teleworking. Hu…

Posted by UĦM Voice of the Workers on Friday, May 15, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn