​“Ħallu l-pajjiżi żgħar fl-UE jkunu kompetittivi” – Alfred Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal li pajjiżi u gżejjer żgħar fl-Unjoni Ewropea għandhom jitħallew jużaw għodda biex ikunu kompetittivi fit-taxxa u jagħmlu tajjeb għall-iżvantaġġi li jsofru minħabba riżorsi limitati u distanzi twal mis-swieq ewlenin.
Dr Sant kien qed jiddibatti fil-Kumitat ECON waqt skambju ta’ ideat mal-Parlamenti nazzjonali fuq bażi ta’ taxxa korporattiva konsolidata komuni.
Sant spjega li flimkien ma’ Malta, l-Irlanda u Ċipru wkoll esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-proposta tal-armonizzazzjoni fit-taxxi u tkellmu fuq il-konsegwenzi fid-dħul mit-taxxi u fil-qgħad fuq it-territorji tagħhom.
L-għan f’livell Ewropew għandu jkun l-infurzar tat-trasparenza fil-pajjiżi kollha skont Sant.
Kompla jgħid li hi ħasra li l-isforz li qed isir biex tonqos l-evażjoni tat-taxxa qed ikun iddevjat mill-għan propju tiegħu, dak li ssir ġlieda kontra l-abbużi fit-taxxa primarjament fuq bażi nazzjonali. 
Fi kliemu, l-għan reali sar dak li nnaqqsu l-kompetizzjoni fit-taxxa bl-iskop li nimxu lejn armonizzazzjoni fit-tassazzjoni fuq bażi Ewropea.