“Ħallina miċ-ċuċati” – Mons. Grech

Anaca Photography / anacaphotography.com

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku għal Għawdex, l-Isqof Mario Grech qal li ġieli jara ħeġġa barra minn postha, anke f’kuntest ta’ komunità Nisranija. Appella lin-nies biex ma jintilfux fiċ-ċuċati.

Mons. Grech qal dan waqt l-omelija fil-Festa ta’ San Koronatu Martri fil-Bażilika u Kolleġġjata ta’ San Pietru u San Pawl il-Ħadd li għadda.

“Issa li qed intemm il-ministeru tiegħi bħala Isqof tagħkom, għandi memorji sbieħ ta’ dawn l-14-il sena li mxejt magħkom. Għandi f’qalbi tifkira ta’ dawk il-persuni li impressjonawni bil-ħeġġa li kellhom u għandhom għal Alla, għall-Knisja u għall-bnedmin,” qal Mons. Grech.

Mons. Grech se jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfiijiet f’Awwissu li ġej meta jtemm il-mandat tiegħu, l-Kardinal Lorenzo Baldisseri.

Esklussiva: Il-Papa nnifsu kellem lill-Isqof Grech dwar il-kariga ġdida

Żied jgħid li jixtieq li l-ħeġġa titkattar fil-Knisja li se jħalli warajh. Iddeskriva l-bruda spiritwali bħala “omiċidjali” li toqtol lill-individwu u lill-komunità.

“M’hemmx marda aktar serja minn meta nagħmlu l-affarijiet b’nofs qalb jew nofs kedda,” qal Mons. Grech.

Mons. Grech staqsa lil dawk preżenti x’qed jgħaddu lill-ġenerazzjonijiet tal-futur. Qal li jekk huma entużjasti għal Ġesù se jgħaddu dan il-patrimonju spiritwali u reliġjuż lil ta’ warajhom.

“Il-fidi Nisranija ma ngħadduhiex bit-tpaċpiċ u l-predikazzjoni biss, imma bix-xhieda tagħna.”

Mons. Grech semma’ wkoll li fl-aħħar snin osserva li hemm adulti barranin li qed jitolbu li jirċievu l-magħmudija. Qal li hi “ħaġa tassew sabiħa”.

“Fil-fehma tiegħi waħda mill-opri sbieħ li ser inħallilkom hija li f’dawn l-aħħar snin ħafna mill-parroċċi tagħna fetħu “kappella tal-Ewkaristija” fejn il-bieb huwa dejjem miftuħ biex ilkoll kemm aħna (isqof, qassisin, lajċi) immorru f’riġlejn Ġesù. Minn hawn tiġina l-ħeġġa spiritwali.”