Ħalliel jintbagħat 38 xahar ħabs

Raġel ta' 47 sena mill-Ħamrun ingħata sentenza priġunerija ta' 38 xahar wara li daħal f'dar f'Ħal Lija u seraq numru ta' oġġetti li l-valur tagħhom jammonta għal iktar minn €2,390.
Fis-serqa, li saret fil-11 ta' Lulju, il-ħalliel seraq żewġ laptops, ġiżirana, żewġ pari msielet, kif ukoll xi cufflinks.
Il-prosekuzzjoni argumentat li l-akkużat, li hu reċediv, kellu numru ta’ opportunitajiet biex jirriforma ruħu iżda dejjem baqa’ jwettaq atti kriminali. Min-naħa tagħha, id-difiża qalet li l-akkużat spiċċa jisraq biex ikun jista’ jsostni l-problema tad-droga li għandu.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja fil-Qorti qal li s-serq qatt ma jista’ jkun iġġustifikat, anke jekk wieħed jisraq minħabba li jkollu problema tad-droga.