“Ħallewna barra għax Maltin”; L-awtoritajiet jispjegaw

Xi drabi l-importanza li l-pajjiż jagħti lill-barranin u t-turisti, twassal għal frustrazzjoni f’uħud mill-Maltin.
Qarrej ta’ Newsbook.com.mt jgħid li hu kburi li hu Malti, iżda jħoss kif ċertu esperjenzi qed ixejnu l-element patrijottiku fih.
Jistaqsi dwar kemm id-drittijiet tal-poplu li jagħmel parti minnu, jiġu rispettati u kemm l-awtoritajiet jistgħu jirrelegaw lill-Maltin bħala ċittadini tat-tieni klassi, biex itellgħu fuq pedestall lill-barranin u lin-negozjanti.
Ir-raġel, li xtaq jibqa’ anonimu, semma każ partikolari, fejn ħassu umiljat, wara li allegatament, uffiċjali tal-port fil-Valletta Waterfront, żammew lilu u xi turisti Taljani milli jitilgħu abbord il-vapur Taljan Palinuro. Stqarr li l-uffiċjali qalulhom li dan huwa kollu tort tal-Flotta Navali Taljana u tal-Ambaxxata Taljana f’Malta.
Il-pubbliku infurmat ħażin dwar il-ħinijiet
Waqt il-waqfa tiegħu f’Malta, il-Palinuro kellu jkun miftuħ għall-pubbliku għal xi ħinijiet.  Skont il-ġurnali lokali, il-ħinijiet fit-3 t’Awwissu kienu mill-10am sa 12pm u mill-4pm sas-7pm.
Iżda għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, uffiċjal għoli tal-Valletta Cruise Port, qal li fit-3 ta’ Awwissu, fil-jum li r-raġel ried iżur il-vapur, il-ħinijiet tal-ftuħ għall-pubbliku kienu bejn l-10am u nofsinhar. Żied jgħid li għaldaqstant fil-ħin li kien hemm il-qarrej, jiġifieri waranofsinhar, il-vapur ma kienx miftuħ għall-pubbliku.
Dwar dan, kelliema għall-Ministeru għat-Trasport qalet ma’ Newsbook.com.mt,  li ma kellux ikun hemm żjajjar mill-pubbliku f’dak il-jum u li jidher li bi żvista, il-pubbliku ma ġiex infurmat b’dawn ir-restrizzjonijiet.
Il-qarrej iddeskriva kif fl-istess waqt li hu tħalla barra, seta’ jilmaħ xi turisti jinżlu minn cruise liner li kien marbut fil-moll u jitilgħu fuq l-istess vapur.  L-ispjega tal-uffiċjal tal-Valletta Cruise Port tgħid li “persuni li kienu awtorizzati jkunu fuq il-moll jew mistiedna mill-vapur setgħu jitilgħu fuq il-Palinuro. Dawn tal-aħħar setgħu jitilgħu f’ħinijiet lil hinn minn dawk imsemmija”. Kompla jgħid li dan l-aċċess abbord kien fil-kontroll tal-vapur.
Arranġamenti għas-security screening
Madanakollu, fl-opinjoni tal-qarrej, setgħu faċilment isiru arranġamenti ta’ sigurtà u loġistika, biex nies li ma jkunux abbord xi bastiment privat xorta jkunu jistgħu jidħlu fiż-żoni ristretti tal-port.
Waqt li kien hemm il-Palinuro marbut, kien hemm ukoll cruise liner li l-passiġġieri tiegħu għaddew minn proċess ta’ sigurtà.  Għaldaqstant intqal li l-membri tal-pubbliku ma setgħux jiddaħħlu fiż-żoni ristretti, minħabba li ma teżistix possibilità li dawn jgħaddu mill-istess proċess.
L-uffiċjal tal-Valletta Cruise Port ma weġibx dwar jekk hemmx pjanijiet li jinbidlu l-arranġamenti tas-sigurtà u tal-loġistika fil-futur.
Mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Ambaxxata Taljana f’Malta u lilll-Ministeru tad-Difiża Taljana għadhom ma ġewx imwieġba sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu.
Ritratti: DOI