Ħallelin barranin jiġu sfrattati milli jisirqu minn djar f’San Pawl il-Baħar

Membri tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u Pulizija tad-distrett ġew imsejħa f’San Pawl il-Baħar wara li persuni barranin ippruvaw jisirqu minn dar billi jidħlu mill-bejt.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fis-siegħat bikrin tal-Erbgħa filgħodu irġiel barranin x’aktarx Bulgari jew Rumeni ippruvaw jisirqu minn dar billi jidħlu mill-belt.
Il-ħallelin, li għandhom madwar 30 sena, irnexxilhom jitilgħu fuq il-bejt minn ġo blokka oħra biswit li għadha qed tinbena.
Jirriżulta li mal-wasla tal-Pulizija fuq il-post ġiet sfrattata din is-serq u l-ħallelin ħarbu bir-roti.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li rapporti simili ta’ serq minn persuni barranin x’aktarx ta’ nazzjonalità Bulgara jew Rumena qed jaslu fl-għases tal-Pulizija ta’ Ħal Lija, B’Kara u Ħ’Attard u mhux biss fl-għases f’Tas-Sliema, is-Swieqi u San Ġiljan.
Wara l-laqgħa li saru bejn ir-residenti u uffiċjali għolja fil-Korp tal-Pulizija qed issir insistenza mir-residenti milquta biex jizdiedu l-Pulizija fit-toroq filwaqt li jibdew in-neighbourhood watch fil-lokalitajiet fejn m’hemmx.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li apparti r-residenzi u l-appartament, dawn il-persuni barranin wettqu serqiet mill-garaxxijiet speċjalment fis-Swieqi.
Dwar dawn is-serqiet saru wkoll rapporti mal-Pulizija. Fl-istess ħin qed tissaħħaħ l-investigazzjonijiet fuq l-allegat sinjali mal-intercom tal-bibien biex jitwettaq is-serq.
F’dan l-istadju l-Pulizija qed tmexxi l-investigazzjoni b’serjetà kbira u jinsabu nvoluti wkoll il-Europol.
Fil-ġranet li għaddew, Newsbook.com.mt kien irrapporta li numru ta’ nisa Rumeni kienu qed iduru, iħabbtu l-bibien tan-nies u jitolbu l-flus filwaqt li joqgħodu jittawlu ġewwa.
Mhux eskluż li dawn in-nisa jistgħu ikunu nvoluti mal-irġiel Bulgari jew Rumeni li qed iwettqu s-serq mid-djar residenzjali.