“Ħallejna l-familja warajna għalikom; ibqgħu d-dar” – Frontliners

Read in English.

Grupp ta’ frontliners li jħaddmu l-ambulanzi tad-Dipartiment tal-Emerġenza tellgħu ritratt fuq il-midja soċjali jappellaw lill-pubbliku sabiex jibqa’ d-dar.

Patrick Vassallo, wieħed minn dawn il-ħaddiema, qal fuq Facebook kif ħafna minnhom ħallew lill-familja warajhom u qed jagħmlu ħilithom biex jgħinu lill-pajjiż u lill-poplu. Spjega li minkejja fiżikament għadhom b’saħħithom, mentalment qed jgħejjew. Qal iżda li fadlilhom il-fidi u t-tama li flimkien joħorġu minn dan il-mument diffiċli.

Appellaw lill-pubbliku sabiex jgħinhom billi ma joħroġx mid-dar.

Dan l-appell qed isir ukoll minn diversi membri tal-awtoritajiet tas-saħħa li wissew dwar l-importanza li wieħed jibqa’ d-dar b’mod partikolari fi żmien il-festi tal-Għid il-Kbir. Appellaw biex sakemm jekk mhux għax verament essenzjali, wieħed m’għandux joħroġ mid-dar.

Minkejja dan, xorta għad hemm persuni li qed jittestjaw il-fortuna tagħhom u jiffrekwentaw postijiet li hemm ċans li jkunu mimlijin nies. Newsbook.com.mt illum irċieva ritratti mill-parkeġġ tal-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa li juri l-parkeġġ mimli bil-karozzi. Sorsi qalu li saħansitra kien hemm karozzi li pparkjaw ħażin għax ma setgħux isibu parkeġġ.

F’Malta issa hawn total ta’ 350 każ tal-coronavirus, filwaqt li 13-il persuna fiequ, s’issa mietu żewġ persuni f’Għawdex.