“Ħallas lil dawk li tteħditilhom id-dar” – Callus lill-Gvern

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus appella lill-Gvern biex jagħmel ġustizzja ma’ ħafna nies li ilhom snin jistennew li jitħallsu ta’ ħwejjiġhom, wara li gvernijiet Laburisti passati kienu qabdu u ħatfulhom il-propjetà tagħhom mingħajr ma ħallashom.
Huwa qal li għalhekk id-dħul minn bejgħ ta’ propjetà tal-Gvern għandu jibqa’ għand l-Awtorità sakemm dawn l-inġustizzji jiġu indirizzati. 
Callus qal li din kienet wegħda tal-PN fl-aħħar elezzjoni iżda l-Gvern għandu iktar responsabbiltà fuq spalltu biex jindirizza din l-inġustizzja ghaliex il-maġġoranza tal-artijiet ittieħdu taħt gvernijiet Laburisti fil-passat. 
Huwa kompla li €6 miljuni fis-sena għall-espropriji huma ftit wisq. Callus qal li l-Awtorità hi żvantaġġjata meta kkomparata ma’ Awtoritajiet oħrajn – fejn kontinwament tagħti l-artijiet tagħha lill-Ministeri u Awtoritajiet mingħajr ma ddaħħal introjtu. 
Dwar il-kap eżekuttiv il-ġdid, id-deputat Nazzjonalista qal li l-aħbar tal-ġurnata hi li James Piscopo, is-CEO ta’ Transport Malta u ex-CEO tal-Partit Laburista ser ikun il-kap il-ġdid. Dwar dan, Callus saħaq li “din hi daħka fil-wiċċ meta l-Ministru ħareġ stqarrija lanqas ġimgħatejn ilu jgħid li se jibda l-proċess tal-għażla”.
Aktar dwar dan id-dibattitu fil-Parlament tista taqrah hawnhekk: