Ħallas għal 2 bagalji flok 1 u tiffranka

Ryanair żvelat li l-klijenti tagħha qed jiddeċiedu li jħallsu għal żewġ bagalji tal-10 kilogrammi minflok għal waħda ta’ 20 kilogramma hekk kif b’dan il-mod jiffrankaw €9. Fi stqarrija, il-linja tal-ajru spjegat li din ix-xelta hija l-aktar komuni fost koppji li jsiefru flimkien.

Regolamenti ġodda naqqsu l-prezz tal-bagalji billi l-linja tal-ajru introduċiet il-bagalja li tiżen 10 kilogrammi u li tiswa €8. Min-naħa l-oħra, dik ta’ 20 kilogramma tiswa €25.

Mill-1 ta’ Novembru, il-policy l-ġdida li introduċiet Ryainair se tħalli biss il-klijenti li jixtru biljetti tal-prijorità, itellgħu bagalja żgħira tal-10 kilogrammi fuq l-ajruplan flimkien ma’ basket ieħor. Dawk kollha li jixtru biljett normali se jkunu jistgħu itellgħu biss basket wieħed żgħir.