“Ħalla ż-żiemel f’xemx tisreġ u hu mar għad-dell”

Sewwieq tal-karozzelli anzjan allegatament daħal jistkenn mix-xemx taqli filwaqt li ħalla ż-żiemel tiegħu espost għaliha. Sorsi qalu dan ma’ Newsbook.com.mt fejn spjegaw li l-każ partikolari seħħ ilbieraħ fis-2.30pm.

Is-sorsi sostnew li din hija moħqrija fuq l-annimali u għaldaqstant għandha tinqata’ darba għal dejjem. Ir-ritratti li u l-każ intbagħat ukoll lill-Animal Welfare u s-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Annimali fejn talbu sabiex tittieħed azzjoni legali kontra x-xufier inkwistjoni.

F’Lulju, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri kien ħabbar li f’Lulju u Awwissu, il-karozzini taż-żwiemel ma kienux jistgħu jagħmlu vjaġġi bejn is-1pm u l-4pm. Filwaqt li attivisti favur id-drittijiet tal-annimali kienu qablu ma’ din il-proposta kienu insistew li Ġunju u Settembru għandhom ikunu parti minn din id-direttiva.

Aqra: “It-tiġrijiet taż-żwiemel moħqrija tal-annimali; iridu jinqatgħu” – ALM

L-avviż legali kien qal ukoll li l-uffiċjali issa jistgħu jitolbu li żiemel jitneħħa mit-triq jekk ikun qed isir abbuż min-naħa tas-sid. Żiemel jista’ jintuża biss fi ġranet alternattivi, filwaqt li ma jistax jintuża għal vjaġġi f’aktar minn tlett ijiem f’ġimgħa waħda. L-avviż ikompli billi jgħid li kull vjaġġ ma jistax idum aktar minn 45 minuta u ma jistax jgħabbi aktar minn 5 persuni inkluż is-sewwieq.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Animal Liberation Malta li spjegat li mhix sorpriża bil-każ li seħħ ilbieraħ. Qalet li tirċievi rapporti ta’ spiss fuq persuni li jitrattaw iż-żwiemel b’mod ħażin. Minnhom jitħallew fix-xemx tisreġ, minnhom iġorru karozzin b’xi ħames turisti fit-tela’, u oħrajn jissakkru f’garaxxijiet mudlama wara ġurnata xogħol.

Aqra: Daqshekk karozzini fit-toroq bejn is-1pm u l-4pm fl-eqqel tas-sajf

B’referenza għad-direttiva, l-attivisti qalu li kien hemm bosta rapporti tal-ksur tagħha f’Lulju u Awwissu. Bosta bdew isibuha diffiċli li jagħmlu kuntatt mal-Animal Welfare sabiex tieħu l-azzjoni neċessarja. Riċentament dan l-ispunt tqajjem waqt laqgħa li kellhom l-attivisti mal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Annimali, Denis Montebello.