Ħalla lil ħaddieħor jirbaħ floku

M’iniex se nilħqu. Le, impossibbli nilħqu! Hekk kien qed jgħid f’qalbu l-atleta Spanjol Iván Fernández Anaya meta daħal fl-istadium għall-aħħar parti tat-tiġrija tal-cross-country f’Burlada, fi Spanja, nhar it-2 ta’ Diċembru 2012. Kien jinsab fit-tieni post, biċċa sew wara l-Kenjan Abel Mutai li kien qata’ sew lil kulħadd. Fl-Olimpijadi ta’ Londra Mutai kien rebaħ il-midalja tal-bronż fit-tiġrija tat-3,000 metru steeplechase.

Imma stenna ftit! F’daqqa waħda ġara xi ħaġa! Fernández induna li meta kien baqa’ biss ftit metri mit-tmiem biex jirbaħ it-tiġrija, l-atleta Kenjan tħawwad fis-sinjali li kien hemm u ħaseb li kien diġà wasal, għalhekk beda jnaqqas u fl-aħħar waqaf għalkollox, mingħalih rebaħ.

Fi ftit sekondi Fernández laħqu. X’se jagħmel? Jipprofitta ruħu mill-iżball tal-ieħor u jidħol l-ewwel hu minfloku? Fernández iddeċieda mod ieħor. Iddeċieda li jibqa’ warajh u beda jagħmillu ħafna sinjali b’idu biex jipprova jfiehmu li għandu jibqa’ jiġri sat-tmiem għax kien għadu ma wasalx.

“Ma kienx ħaqqni nirbaħ”

Fernández deherlu li r-rebħa kellha tkun tal-Kenjan. “Ma kienx ħaqqni nirbaħ,” qal Fernández. “Dak il-ħin għamilt dak li ħassejt li kelli nagħmel. Hu r-rebbieħ veru, mhux jien. Id-distanza li kien ħoloq bejnietna qatt ma stajt nilħaqha li kieku hu ma tħawwadx u ma waqafx. Kieku ma ġarax hekk qatt ma stajt nilħqu u ngħaddih.”

Fiż, il-kowċ tiegħu, qal, “Dak li għamel Fernández kien ġest ħanin u ta’ sportsman. Jien qatt ma rajt bħalu. Jien stess ma kontx inkun kapaċi nagħmel hekk, u nammetti li kieku kont minfloku kont nieħu l-okkażjoni u nkompli niġri biex nirbaħ.”

Fiz kompla jgħid li Fernández kellu għax ikun kburi b’li għamel, għall-inqas f’termini umani. “B’dak li għamel ma sarx atleta aħjar milli kien. Bħala atleta tilef okkażjoni tad-deheb. L-atleta jrid jiġri biex jirbaħ. Imma b’li għamel Fernández sar raġel aħjar milli kien qabel.”

Ġest ta’ onestà jagħmel tajjeb

“Fit-tellieqa ma kienx hemm midalji x’jintrebħu. Kieku rbaħt stajt ngħid li għelibt lil min rebaħ il-midalja tal-bronż fl-Olimpijadi ta’ Londra,” qal Fernández. “Imma anki kieku qaluli li bir-rebħa stajt intgħażilt biex nirrappreżenta lil pajjiżi fil-Kampjonati Ewropej, xorta kont nagħmel kif għamilt. Min jaf, forsi li kieku kont fil-Kampjonati Ewropej jew tad-Dinja kont inġib ruħi mod ieħor. Imma naħseb li aktar sirt famuż b’dak li għamilt milli kieku rbaħt. Meta tqis kif inhuma l-affarijiet illum il-ġurnata – fil-futbol, fis-soċjetà, fil-politika, fejn donnu kollox jgħaddi – ġest ta’ onestà jagħmel tajjeb lil kulħadd.”

U meta l-ġurnalist qallu, “Imma stajt irbaħt!” Fernández wieġeb, “Veru, imma x’mertu kien ikolli kieku rbaħt? U min jaf x’kienet tgħid ommi, kieku!”

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfashawn.

Flimkien Ottubru 2020 cover