Ħalla lil bintu f’banju b’sikkina u mus tal-leħja ħdejha

Raġel deher quddiem il-Qorti tal-Familja għax aġixxa b’mod negliġenti ma’ bintu tant li darba ħallieha f’banju b’sikkina u mus tal-leħja ħdejha. Dan beda minn twelidha meta poġġa l-qtates l-ewwel u qabel kollox, saħansitra qabel is-sieħba tiegħu hi u twelled it-tarbija tagħhom, għax telaq minn maġenbha biex imur jitma’ l-qtates. Huwa baqa’ ma żariex, u l-għada li welldet is-sieħba ma setgħetx taqbdu bit-telefown.

Il-Qorti semgħet kif il-mara kienet saret taf li hi tqila meta r-relazzjoni tagħhom kienet intemmet, iżda minħabba t-tqala, ippruvaw jerġgħu jagħtu ċans lil xulxin. Madankollu, ir-relazzjoni ma damitx wisq.

L-omm iddeskriviet il-mod negliġenti li bih il-missier ittratta lil bintu u lilha, pereżempju billi rari mar iqatta’ l-Milied u ġranet ta’ għeluq snin xi ħadd minnhom magħhom, minkejja li l-mara stidnitu. Il-mara semmiet ukoll li lil bintu kien iġorrha b’mod negliġenti, li darba kien ħallieha fil-banju b’sikkina ħdejha u b’mus tal-leħja pplakkjat maġenbha. Ħabiba tal-mara li kienet magħha minflok ir-raġel meta welldet qalet li darba semgħetu jesklama, “Oh my God even a bunny is cuter than this.”

L-omm żiedet tgħid li kemm-il darba ppruvat tiftiehem miegħu biex imur jara lit-tifla, u anke rranġat għal sessjonijiet mal-Aġenzija Appoġġ, iżda hu qatt ma wera interess.

Għaldaqstant, hija talbet għall-kustodja sħiħa tat-tifla, u l-Qorti fdat il-kustodja esklussiva tat-tifla f’idejn l-omm, iżda l-missier jista’ jżur lit-tifla darba fil-ġimgħa għal 3 sigħat taħt is-superviżjoni tal-Aġenzija Appoġġ.

Ir-raġel intalab ukoll iħallas manteniment għat-tifla ta’ €200 fix-xahar.