Ħalib u frott fl-iskejjel: “Ministri jaqblu li l-iskema mhix ideali”

Thread email

L-attivista għall-ambjent minn Malta Clean Ups, Cami Appelgren qalet li l-Ministri u d-dipartimenti kkonċernati qablu li l-iskema tal-frott u l-ħalib fl-iskejjel mhix waħda ideal.
Dan qalitu minħabba li bħalissa tinsab involuta f’katina ta’ imejls fejn qed jiġu diskussi modi kif tista’ titranġa l-iskema.
F’messaġġ li ħalliet fil-grupp Malta Clean Ups fuq Facebook spjegat kif fil-katina tal-imejls hemm involuti Ministri u dipartimenti oħra kkonċernati.
Sostniet li s’issa kien hemm qbil li l-iskema qed tikkontradixxi dak li t-tfal jitgħallmu fl-iskejjel fejn jidħol il-ħarsien tal-ambjent. Spunt li sostniet huwa ’l bogħod mill-ideal.
Fil-messaġġ qalet li tinsab pożittiva li din l-iskema se tiġi aġġornata għal waħda aħjar, iżda biex dan isir hemm bżonn qbil bejn dawk li rebħu t-tenders u d-dipartimenti responsabbli mill-iskema.
Fl-aħħar jiem, bosta ġenituri, għalliema u attivisti kkritikaw b’mod aħrax is-sistema l-ġdida tal-frott u l-ħalib b’xejn fl-iskejjel wara li nstab li dawn qed ikunu ppakkettjati f’kontenituri tal-plastik kif ukoll qed jintużaw straws tal-plastik. 
Min-naħa tagħha l-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli sostniet li minkejja li l-iskema tal-frott u l-ħalib hija waħda pożittiva hemm bżonn li wieħed jassigura li ma jiġix iġġenerat aktar skart.
Il-Partit Nazzjonalista sostna li t-tfal fl-iskejjel għandu jingħatalhom frott u ħaxix frisk.