Haley Bugeja fost plejers li l-UEFA tirrakkomanda li jiġu segwiti fl-2021

Ritratt: Profil fuq Facebook - Haley Bugeja

Read in English.

Haley Bugeja ta’ 16-il sena hija fost 10 tfajliet imsemmija mill-assoċjazzjoni sportiva UEFA f’lista ta’ dawk li mistennija jagħmlu suċċess din is-sena.

Haley Bugeja ssemmiet f’din il-lista wara li fis-26 ta’ Novembru li għadda rnexxielha tikser ir-rekord ta’ Julie Fleeting li sar fl-1997 u saret l-iżgħar plejer li għamlet hat-trick f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew EURO 2022 bejn Malta u l-Ġorġja.

Il-UEFA semmiet kif Haley Bugeja skurjat fit-tliet logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għat-tim nazzjonali Malti u li bħalissa qiegħda tilgħab bħala attakkanta mat-tim tas-Seria A Sassuolo fl-Italja u li fid-debutt tagħha ma’ dan il-klabb irnexxielha tiskurja darbtejn kontra Napli.

Ma’ Haley f’din il-lista hemm tfajliet minn diversi pajjiżi differenti madwar l-Ewropa fosthom Franza, Norveġja, Danimarka, Żvezja, Ġermanja, Ingilterra, Islanda u Spanja.