Ħal Qormi għat-togħma tal-inbid fil-bidu ta’ Settembru

Fil-5 u s-6 ta’ Settembru se ssir l-għaxar edizzjoni tal-Qormi Wine Festival li matulha Ħal Qormi jilbes libsa sajfija u festiva bil-mużika u t-togħma tal-inbid.
Fl-ewwel serata se jkun hemm il-band ta’ Mark Spiteri Lukas li se toffri kunċert ta’ mużika mħallta. Se jieħdu sehem mal-band, Chiara, Ludwig Galea, Eleonor Cassar u Neville Refalo.
L-għada, jiġifieri fis-6 ta’ Settembru se jkun hemm kunċert mill-band lokali PlanZero li din is-sena rebħet l-unur ta’ Best New Artists fil-Malta Music Awards. Wara se tagħlaq il-festival Claudia Faniello u l-band tagħha.
Intant fi Triq il-Kbira se jkun hemm armati numru ta’ stands tal-inbid u ikel tipiku Malti f’atmosfera ta’ festa tipika Maltija.
Matul din l-edizzjoni se ssir kompetizzjoni tal-arranġamenti ta’ fjuri li se jkunu għal wiri fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġorġ.
Maġenb il-palk prinċipali, fi Triq il-Blata, il-Kumpanija Teatrali tal-Banda Aniċi se tkun qed ittella’ l-kummiedja ta’ Vitorin Galea, “L-Għerusija ta’ Wenzu  u Rożi.”
Il-festival qed ikun organizzat mill-Kumitat tal-Festi Esterni ta’ San Ġorġ Martri flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi u Marsovin.