“Ħajtek qisha film, missek tikteb ktieb”

Twitter

“Ħajtek qisha film, missek tikteb ktieb”. Dan kien il-kliem li qalet Mikela Fenech Pace u li wassal biex kitbet ktieb dwar Jackie, il-mara li żewġha ħa t-tfal il-Libja fi żmien meta kien hemm il-gwerra tal-2011.

Waqt programm fuq RTK 103FM, Mikela Fenech Pace rrakkuntat kif ir-rispons ta’ Jackie kien “Jekk jogħġbok iktbu”. U minn hemmhekk twieled il-ktieb Stolen Childhood.

Fenech Pace spjegat li waqt li kienet tkun qed titkellem ma’ Jackie, kienet tiġi f’sitwazzjonijiet fejn ma kinitx tkun taf x’se tgħidilha. Hija ltaqgħet magħha fiż-żmien meta faqqgħet il-gwerra fil-Libja, meta hu kienet taħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi.

L-awtriċi tal-ktieb, li hija omm ta’ ħamest itfal, tirrimarka kif Jackie kienet qalbha maqtuha li setgħet terġa’ tara tnejn minn ulieda. Żiedet tgħid li darba fost l-oħrajn waqt li kienet id-dar irċeviet telefonata mingħandha u qaltilha li t-tfal kienu ħarbu. Fi Stolen Childhood, wieħed jgħix pass pass parti mill-ħajja ta’ Jackie, minn meta ltaqgħet ma’ żewġha sa dakinhar li reġgħet iltaqgħet ma’ wliedha.

Il-ktieb huwa miktub fl-ewwel persuna daqslikieku qed titkellem l-omm tat-tfal biex turi iktar x’ħasset din il-mara.

Min hi Mikela Fenech Pace?

Wara li temmet l-istudji tagħha kemm f’Malta kif ukoll barra, hija kienet għamlet eżami biex tibda taħdem mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u damet hemm 15-il sena. Hija kienet taħdem fl-Ambaxxata ta’ Ruma. Meta ġiet lura Malta hija kienet responsabbli mid-diskors tal-eks Ministru Tonio Borg.