Ħajt għal Whatsapp fiċ-Ċina

Utenti Ċiniżi tal-app soċjali popolari WhatsApp qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jużaw dan is-servizz. WhatsApp huwa l-aħħar prodott ewlieni ta’ Facebook li s’issa kien seta’ jintuża bla diffikultajiet fiċ-Ċina. Għadd ta’ utenti qed jirrappurtaw li mhux qed jirnexxilhom jibagħtu vidjos u stampi, b’numru iżgħar jgħidu li ma setgħux jibgħatu lanqas messaġġi normali.
L-unika mod kif residenti fiċ-Ċina jistgħu jużaw il-WhatsApp huwa permezz ta’ virtual private network li jista’ jevita ċ-ċensura qawwija tal-Istat, magħruf bħala Great Firewall.
Din l-aħbar hija ta’ tħassib għal Facebook li kienet qed tittama li jirnexxilha ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’dan is-suq importanti u enormi. Il-Kap Eżekuttiv Mark Zuckerberg innifsu għamel minn kollox biex jikseb il-fiduċja tat-tmexxija Ċiniża, u saħansitra attenda regolarment għat-tagħlim tal-lingwa Ċiniża. Il-Facebook ilu bblukkat fiċ-Ċina mill-2009, meta tensjonijiet etniċi vjolenti nqalgħu fir-Reġjun tal-Punent. Wara dan, it-tmexxija Komunista pprojbit ukoll Instagram fl-2014 wara l-protesti f’Ħong Kong. Issa, fadal biss l-aċċess għal Whatsapp.
Sa mill-bidu tat-tmexxija tiegħu fl-2013, il-President Xi Jinping impona numru ta’ miżuri intiżi li jsaħħu ċ-ċensura, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ liġi li teħtieġ lill-kumpaniji biex jaħżnu d-data kollha tagħhom fil-pajjiż, filwaqt li trasferiment ta’ data barra mill-pajjiż irid jiġi approvat mir-regolaturi.
L-Indja bl-akbar tkabbir ekonomiku
Wara snin twal ta’ dominju taċ-Ċina, jidher li l-Indja din is-sena se tiret ix-xettru tal-aktar ekonomija li kibret. Dan grazzi partikolarment għall-introduzzjoni ta’ sistema ta’ taxxa ġdida kif ukoll minn stennija ta’ tnaqqis tar-rata tal-imgħax mill-Bank Ċentrali.
Din ir-riforma kienet tikkonċerna l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ taxxa fuq is-servizzi u l-prodotti, simili għall-VAT, li ddaħħlet minflok lista sħiħa ta’ taxxi imposti fuq livelli u prodotti differenti kemm mill-Istat kif ukoll mir-reġjuni.
Hu mistenni li l-ekonomija Indjana tikber b’aktar minn 7% din is-sena, filwaqt li għaċ-Ċina t-tbassir hu ta’ 6.6%. Skont ekonomisti f’banek ewlenin, ir-reviżjoni tat-taxxa għal sistema aktar moderna u effiċjenti, se tnaqqas l-ostakli għall-kummerċ u toħloq suq wieħed. Dan għaliex s’issa, kien hemm sistemi differenti bejn reġjuni differenti fl-Indja li kienu qed ixekklu l-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-istess pajjiż. Dan waħdu hu mistenni li jżid 1 sa 2% tal-Prodott Gross Domestiku kull sena għas-snin li ġejjin.
Fl-istess waqt, din is-sena l-pajjiż gawda minn ammont ta’ xita abar mis-soltu, li jagħti spinta qawwija għas-settur agrikolu. Dan is-settur huwa kruċjali għall-ekonomija Indjana għaliex iħaddem nofs il-1.3 biljun ruħ li jgħixu f’dan il-pajjiż u jikkontribwixxi madwar 15% mill-ekonomija ta’ madwar $2 triljun.
Dan kollu, flimkien ma’ stennija li l-Bank Ċentrali se jnaqqas ir-rata tal-imgħax, wassal biex numru ta’ stocks u ishma ta’ kumpaniji Indjani rreġistraw żidiet fil-ġranet li għaddew hekk kif sentiment ekonomiku pożittiv saħħaħ il-fiduċja tal-investituri.
Wizz Air issaħħaħ il-profitti
Il-kumpanija tal-ajru low cost Wizz Air irreġistrat żieda qawwija fid-dħul u l-profitt, grazzi għall-bejgħ qawwi fi żmien l-Għid u espansjoni tan-netwerk tar-rotot offruti minnha. Id-dħul tagħha żdied b’29% għal €469 miljun, filwaqt li l-profitti qabel it-taxxa żdiedu b’16% għal 60.5 miljun fit-tieni kwart tas-sena.
In-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw magħha żdied b’aktar minn 25% għal €7.2 miljun. Riċenti WizzAir żiedet 10 rotot oħra inkluż f’ajruporti ġodda fir-Russja, il-Każakistan u l-Marokk. Dan barra l-fatt li bħal linji tal-ajru oħra gawdiet minn prezzijiet baxxi marbuta mal-fjuwil.
Il-kumpanija ħabbret ukoll programm ta’ investiment qawwi fl-ajruplani. Sa Marzu 2018 hi mistennija tkun qed topera 26 Airbus A321ceos, li mistenni jkun madwar terz tas-seat capacity li qed timmira li tilħaq il-kumpanija.
Intant fi żviluppi oħra, il-kumpanija qalet li kienet qed tikkunsidra tapplika wkoll għal liċenzja ta’ operatur tal-ajru fir-Renju Unit bl-għan li tnaqqas l-inċertezza marbuta ma’ Brexit.
Mal-pubblikazzjoni taċ-ċifri marbuta mat-tieni kwart tas-sema, l-ishma tal-kumpanija, li hija bbażata f’Budapest fl-Ungerija, żdiedu b’aktar minn 3%.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.