“Ħajjet Lassine kienet importanti”; isellmu l-memorja tal-vittma tal-qtil f’Birżebbuġa

Numru ta’ persuni se jingħaqdu flimkien biex isellmu l-memorja ta’ raġel li spiċċa vittma ta’ delitt f’Birżebbuġa kmieni dan ix-xahar. Lassine Souleymane nqatel kiesaħ u biered fis-6 t’April fi Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa, li twassal għal Ħal Far. Il-qtil huwa maħsub li kien delitt razzjali.

Il-qtil ta’ Souleymane qed joħloq biża’ fil-komunità

L-attività organizzata minn Maria Pisani mill-Fondazzjoni Integra u Ritianne Ellul minn SOS Malta, se ssir nhar is-Sibt li ġej. Numru ta’ persuni se jinġabru u jqiegħdu l-fjuri fil-post tad-delitt bħala simbolu tar-rispett tagħhom lejn vittma li jidher li nqatel intortament.

“Ħajtu kienet importanti”

L-organizzaturi kitbu fuq Facebook li ħajjet Lassine kienet importanti: għal familtu, għal ħbiebu u għalihom. Huma kkundannaw kwalunkwe att ta’ vjolenza, u wrew solidarjetà ma’ dawk li jispiċċaw fil-mira ta’ vjolenza u ma jħossuhomx siguri.

Qtil f’Birżebbuġa: x’nafu s’issa?

Huma appellaw lill-Korp tal-Pulizija biex juża r-riżorsi kollha tiegħu biex issir ġustizzja ma’ Lassine.

L-attività se ssir is-Sibt li ġej fil-11am fi Triq il-Ġebel f’Birżebbuġa. Tista’ tara d-dettalji kollha hawn.