“Ħajja mgħaġġla li xejn ma jagħmilna kuntenti” – l-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech f’omelija fil-Velja tal-Għid tal-Assunta qal li l-ħajja kontemporanja hija mgħaġġla u xejn ma jagħmilna kuntenti.

Huwa qal li ħajjitna saret bħaċ-ċikkulata, aktar ma wieħed jiekol aktar irid u ma jixba qatt. L-Isqof irrimarka li much needs more u dan qed ibiddel ħajjitna f’tellieqa biex niltaqgħu ma’ xi ħaġa li tikkuntentana iżda d-delużjonijiet żdiedu għax mingħalina nkunu sibna dak li jimliena u ftit wara nibdew inħossu l-vojt.

Fil-kuntest tas-soċjetà attwali l-Isqof qal li l-ekonomija sejra tajjeb iżda fl-istess waqt il-foqra żdiedu wkoll, l-industrija tal-pjaċir splodiet u din qed tħalli l-konsegwenzi. Minbarra dan żdiedet ukoll id-dipendenza fuq il-mediċina kontra l-għejja mentali, l-ansjetà u d-depressjoni.

Ħafna jaħsbu li s-soċjetà hija belha iżda l-Isqof irrimarka li s-soċjetà mhix belha u qed tistaqsi x’jimla l-qalb. Huwa qal li f’dan it-tiftix jista’ jkun li s-soċjetà tagħmel għażliet ħżiena u dawn huma kollha tentattivi biex fl-aħħar jirnexxielha tistrieħ.

L-Isqof semma’ l-każ ta’ Santu Wistin li dan fittex ukoll u prova diversi ħwejjeġ fil-ħajja imma xejn ma ssodisfah sakemm sab lil Alla. Fil-fatt proprju hawnhekk biss li l-qalb tal-bniedem tistrieħ.

L-Isqof qal li fl-okkażjoni tal-Assunta, Marija wkoll straħet meta rat lil Alla wara l-pelegrinaġġ ta’ fidi li wettqet u stenniet bil-ħerqa għal mument li tara lil Alla.