Filmat: “Mhux se jkolli sitwazzjoni fejn ikolli MPs kontrija” – Grech

Read in English.

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jekk ikun Kap, mhux se jaffaċċja sitwazzjoni fejn ikollu membri parlamentari li jaħdmu kontrih.

Dan qalu waqt intervista li saritlu mill-Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart. Fiha ddiskutew il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista u l-qasma fih, il-kwistjoni tat-taxxi mhux imħallsin ta’ Grech, l-għażla tiegħu bħala kandidat, u l-kwistjoni tal-abort.

Fl-intervista li saret lil Adrian Delia waqt l-istess programm, huwa tenna li jekk jerġa’ jiġi elett Kap tal-PN, nies bħad-Deputat Jason Azzopardi li ħadmu kontrih tul l-aħħar snin, mhux se jkollhom post fix-Shadow Cabinet tiegħu, peress li Azzopardi “għamilha ċara li ma jridx jaħdem ma’ Adrian Delia” stqarr Delia. Mistoqsi jekk jaqbilx mar-raġunament ta’ Delia, Grech qal li l-mod kif jaġixxi hu fil-politika ma jwasslux għal sitwazzjoni bħal din. Bħala Kap tal-PN, hu jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari tal-PN ta’ sikwit biex tinstab soluzzjoni għal xi kwistjonijiet li jaf ikun hemm.

Grech spjega li l-Partit Nazzjonalista kien ilu jitlef il-popolarità, u dan minħabba diversi raġunijiet, mhux minħabba Adrian Delia biss. Żied jgħid li minn sondaġġ wara ieħor, jidher li l-PN mhu jagħmel l-ebda progress. Sostna li bħalissa aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-PN jingħaqad.

Huwa ċaħad mill-ġdid li kien hemm xi tip ta’ ftehim biex il-Membru Parlamentari Therese Comodini Cachia jew il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola ma joħorġux għall-elezzjoni ta’ Kap. Spjega li tul il-proċess, kien hemm drabi meta kien hu li ħa pass lura, imma fl-aħħar ġie deċiż li jkun aħjar li ma jkunx hemm aktar minn żewġ kandidati li jikkontestaw l-elezzjoni.

Prof. Azzopardi staqsa lil Grech għaliex ma ħallasx it-taxxa fil-ħin, u hu wieġeb li issa ħallas dak kollu li kellu b’lura. Issokta jgħid li ħafna mill-pagamenti, madwar €30,000, tħallsu meta kellu kull dritt jikkontestahom, imma hu għażel li jħallashom.

Mistoqsi fuq l-abort, Grech qal li diġà għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara – li hu kontra l-abort. Iddeskriva l-kwistjoni bħala waħda sensittiva peress li hi dwar il-ħajja ta’ persuna qabel titwieled il-persuna. Aktar kmieni dax-xahar, Dr Grech qal li jkun lest jirreżenja jekk l-abort ikun fuq l-aġenda parlamentari waqt li hu jkun Prim Ministru u wara li jkun sar referendum nazzjonali. Kien insista li hu dejjem kien u jibqa’ kontra l-abort.


Andrew Azzopardi on 103 
jixxandar kull nhar ta’ Sibt fl-10am fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart u aktar tard fuq Newsbook.com.mt