“Aqtgħu t-tqasqis fuq l-oħrajn” – Il-Papa lill-hairdressers

Photo by Nick Demou from Pexels

Il-Papa Franġisku appella lill-hairdressers, lill-istilisti tax-xagħar u lill-beauticians biex jevitaw li jqasqsu fuq dak u fuq l-ieħor waqt li jkunu qed jagħmlu xagħar in-nies jew jiżbgħulhom dufrejhom.

Nhar it-Tnejn li għadda, festa ta’ San Martin Deporres, il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-assoċjazzjoni tal-ħairdressers u beauticians Taljani u nkoraġġihom biex fil-qadi tal-professjoni tagħhom jadottaw “stil Kristjan u jagħtu kontribut għall-ġid komuni tas-soċjetà.

Aktar minn 230 membru tal-Kumitat San Martin de Porres li hu rappreżentat f’diversi reġjuni mferrxa mal-Italja, ltaqgħu mal-Papa fil-Vatikan billi nhar ta’ Tnejn għalihom hi ġurnata ta’ mistrieħ u ma jiftħux is-salons tagħhom.  Din is-sena l-festa tal-Patrun tagħhom inżertat it-Tnejn u allura setgħu jiċċelebrawha aħjar.

Patrun tal-hairdressers

F’diskors qasir li għamlilhom, rappurtat minn Vatican News, il-Papa Franġisku nnota li l-pellegrinaġġ tagħhom fuq l-oqbra tal-Appostli f’Ruma u l-laqgħa mas-suċċessur ta’ Pietru juru l-importanza li huma jagħtu lill-fidi nisranija u juru wkoll id-dimensjoni reliġjuża tal-assoċjazzjoni tagħhom, għax San Martin u l-patrun tagħhom.

Il-Papa spjega li dan il-qaddis Peruvjan ta’ razza mħallta kien aċċettat fl-Ordni tal-Patrijiet Dumnikani bħala terzjarju u aktar tard bħala brother.  Hu aċċetta li jibqa’ hekk u jgħix ħajja ta’ umiltà kbira mimlija bl-imħabba.

B’sagrifiċċju personali Martin de Porres iddedika ħajtu lill-foqra u l-morda u kien jikkurahom fuq dak li kien tgħallem fi spiżerija u aktar tard bħala student ta’ kirurgu kif kienet id-drawwa dak iż-żmien li għex hu.

Martin de Porres twieled f’Lima, il-Peru fid-9 ta’ Diċembru 1579 u miet fit-3 ta’ Novembru 1639 u kien dikjarat qaddis mill-Papa Ġwanni XXIII fl-1962.

Xhieda ta’ valuri nsara

Il-Papa Franġisku qal lill-hairdressers u beauticians preżenti għal-laqgħa miegħu li “l-figura kbira u umli ta’ San Martin de Porres, li fl-1966 il-Papa Pawlu VI kien ipprokolamah bħala protettur ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema għandhom jgħinu biex “ikunu xhieda tal-valuri nsara”.

Hu nkoraġġihom b’mod partikolari “biex jipprattikaw il-professjoni tagħhom fi spirtu u stil nisrani, jitrattaw lill-klijenti b’imħabba u kortesija u dejjem joffrulhom kelma ta’ ġid u nkoraġġiment u jevitaw li jaqgħu fit-tentazzjoni tat-tqasqis li tista’ tidħol fl-ambjent tax-xogħol tagħhom.” Hu qal li lkoll jistgħu jaġixxu b’mod serju u ġust u b’hekk jagħtu kontribut għall-ġid komuni u s-soċjetà.