Awdjo: ‘Ħaġa normali’ jgħid Balzan, ‘Qerq bla preċedent’ jgħid Casa

Skont id-Direttur Maniġerjali u Editur tal-gazzetta Maltatoday, Saviour Balzan, ‘hija ħaġa normali’ li d-dikjarazzjoni tal-hekk imsejjaħ whistleblower li għamel diversi allegazzjonijiet dwar l-MEP David Casa tinkiteb mill-kompjuter tiegħu, jiġifieri ta’ Balzan. F’kumment li ta lil Newsbook.com.mt, Balzan qal li huwa jagħmel minn kollox biex jipproteġi lill-din il-persuna u sejjaħ lil Casa biex iħares lejn l-akkużi u mhux lejn min ikun qed iwassal il-messaġġ.

Dan kien l-aħħar żvilupp fis-saga tal-allegazzjonijiet ta’ użu ta’ droga mill-MEP Casa, fejn l-ittri mibgħuta mill-eks impjegat ta’ Casa lill-Uffiċċju Ewropew kontra l-frodi, l-OLAF, saru mill-kompjuter ta’  Saviour Balzan. Casa sejjaħ dan bħala fabrikazzjoni ta’ aħbarijeit u qerq bla preċedent.

Aktar kmieni llum, il-ġurnal Times of Malta rrapporta kif fl-ijmejl li ra l-istess ġurnal jidher li ż-żewġ ittri bl-allegazzjonijiet intbgħatu minn Balzan inifsu fl-20 Ottubru. Skont l-informazzjoni diġitali tad-dokumenti, Times of Malta sabu li dawn kienu miktuba minn Balzan ftit qabel ma bagħthom lill-eks impjegat ta’ Casa.

Balzan f’kummenti li ta lit-Times of Malta ammetta li l-ittri kienu miktuba fl-uffiċċju tiegħu. Huwa sostna li dan sar biex jagħti l-kunfidenzjalità sħiħa lill-eks impjegat ta’ Casa.Din kienet ukoll l-ispjega li Balzan ta lil Newsbook.com.mt. Balzan qal fuq Twitter jgħid li ma tistax tistenna aħjar kemm mill-ġurnal Times of Malta kif ukoll mingħand Casa.

Tad-Daħk jgħid Caruana Galizia

F’rejazzjonijiet fil-midja soċjali it-tifel tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Paul, kiteb li wieħed jispiċċa jidħak hekk kif id-Direttur Maniġerjali u l-Editur tal-MaltaToday Saviour Balzan għamel l-abozz tal-affidavit u l-ittri li umbgħad intbgħatu lill-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi u, ssokta Caruana Galizia, lanqas dik ma rnexxillu jġib tajba.

Kollużżjoni u  qreq bla preċedent – Casa

Il-Kap ta’ Delegazzjoni tal-PN u l-Ewroparlamentari David Casa qal li dan il-livell ta’ kollużjoni, qerq u fabrikazzjoni ta’ hekk msejħa aħbarijiet huwa bla preċedent u ma jistgħux ikunu skużati.

Casa saħaq li mhux sorpriż li dak li ġie żvelat illum dwar il-“whistleblower” li kiteb lill-awtoritajiet Ewropej dwar il-finanzi ta’ Casa juru lid-Direttur Maniġerjali Saviour Balzan bħala l-awtur taż-żewġ ittri li nbgħatu mill-“whistleblower” fuq l-allegat irregolaritajiet.

Casa fi stqarrija qal li din ir-relevazzjoni ma kinitx każ iżolat u fi kliem l-MEP dan ikompli jikxef il-mod sistematiku li bih dawk li huma kritiċi tal-Gvern qed jiġu attakkati mis-suppost midja indipendenti. Casa saħaq li l-attakki kienu bbażati fuq ordnijiet minn Kastilja u ddeskriva dan bħala “skandaluż”.

Casa saħaq li huwa ħadem bla rażan biex il-ġurnaliżmu investigattiv jiġi protett imma dan fi kliemu kien sensila ta’ friegħat iffabrikati. Huwa saħaq li l-pajjiż għandu bżonn ġurnalisti professjonali li jkomplu jfittxu l-verità.