Haftar jagħmel mossa interpretata biex jimponi t-tmexxija tiegħu

REUTERS/Philippe Wojazer

Il-Kap tal-Milizji ibbażati fil-lvant tal-Libja, Khalifa Haftar qal li l-Armata Nazzjonali Libjana (LNA) kienet qed taċċetta “mandat popolari” biex tieħu f’idejha t-tmexxija tal-pajjiż,  f’mossa li tista tiġi interpretata bħala waħda li ried jimponi t-tmexxija.

Haftar, li sena ilu beda gwerra biex jaħtaf il-kapitali tal-pajjiż Tripoli u territorji oħra fil-majjistral tal-Libja, għandu kontroll wiesgħa fuq l-amministrazzjoni li qed tiggverna fil-lvant tal-pajjiż. 

Matul id-diskors tiegħu fuq it-televiżjoni nhar it-Tnejn hu ma spjegax x’forma se tieħu l-istruttura tal-qawwa l-ġdida, u l-implikazzjonijiet politiċi aktar wiesgħa ma kienux immedjatament ċari. 

Il-Libja ilha mill-2014 maqsuma f’żoni kkontrollati mill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali (GNA) rikonoxxut internazzjonalment fi Tripoli u fil-majjistral tal-pajjiż, u territorju miżmum minn forzi bbażati fil-lvant f’Benghazi. 

Haftar qal li “minkejja l-piż kbir u d-diversi obbligi u d-daqs tar-responsabilità, aħna se noqgħodu għax-xewqa tal-poplu.”

Għalkemm l-LNA s-sena l-oħra avvanzaw fuq is-subborgi fin-nofsinhar ta’ Tripoli u qed jattakkaw lill-belt kapitali b’mod frekwenti, din il-fazzjoni twaqqfet fl-avvanzi tagħha mill-forzi favur il-GNA matul ġlied ix-xahar li għadda. 

Haftar huwa appoġġat mill-Emirati Għaraq Magħquda, l-Eġittu u r-Russja. Il-GNA huma appoġġati mit-Turkija. 

Għalkemm Haftar kien ilu għal żmien rikonoxxut bħala mexxej de facto fil-lvant tal-Libja, is-setgħa kienet f’idejn amministrazzjoni ċivili b’mod nominali. Benghazi tospita istituzzjonijiet tal-istat paralleli, kif ukoll il-parlament nazzjonali. 

Il-GNA jirrispondi għal Kunsill Presidenzjali magħmul minn tliet persuni, stabbilit fl-2015 permezz ta’ ftehim politiku bl-għan li jintemm il-kaos u l-firda li ilhom jippersistu mill-ġlied tal-2011 meta tilef il-poter Muammar Gaddafi. 

Il-ġimgħa l-oħra Haftar qal li l-ftehim kien falla. 

Mohammed Ali Abdallah, konsulent tal-GNA qal f’dikjarazzjoni: “Għal darb’oħra Haftar wera l-intenzjonijiet awtoritarji tiegħu lid-dinja. M’għadux jipprova jaħbi d-disprezz tiegħu għal soluzzjoni politika u għad-demokrazija fil-Libja.”