“Ħafna żgħażagħ ma jivvutawx; jiġġieldu għall-bidla b’mod differenti”

Żagħżugħa li qed taħdem bħala voluntiera fil-kampanja Ewropea This Time I’m Voting sostniet li minkejja li l-maġġoranza taż-żgħażagħ Ewropej ma jivvutawx fl-elezzjonijiet nazzjonali u dawk Ewropej, xorta jsibu modi differenti biex jiksbu l-bidla li jridu fis-soċjetà.

Julia Fernandez kienet qed titkellem fit-tieni jum tal-konferenza li seħħet fil-Parlament Ewropew fi Brussell dwar l-involviment tan-nisa fil-politika. Fernandez spjegat kif fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014, kienu biss 28% taż-żgħażagħ Ewropej li vvutaw. Sostniet li meta wieħed iħares lejn dan in-numru jaf jgħid li ż-żgħażagħ mhux interessati fil-politika. Madanakollu, meta wieħed iħares b’iktar attenzjoni lejn is-soċjetà jista’ faċilment jinduna li ż-żgħażagħ sabu mod alternattiv kif ikunu attivi. 

Fernandez semmiet kif illum iż-żgħażagħ qed jipparteċipaw f’demostrazzjonijiet, jorganizzaw avvenimenti u diskussjonijiet fis-soċjetajiet tagħhom u jiffirmaw petizzjonijiet fost l-oħrajn. Insistiet li din hija raġuni ewlenija għaliex iż-żgħażagħ ma jivvutawx, għax jemmnu li mbilli jivvutaw mhux se jwasslu għall-bidla li jixtiequ jaraw fis-soċjetà. Irrimarkat li ż-żgħażagħ jemmnu li l-akbar impatt jista’ jsir billi jkunu direttament attivi fis-soċjetà.

“Jiena mara, ma niswa xejn”; Bżonn aktar nisa fil-politika

“Il-ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza kważi waqfet” – Maycock

Intant, Joanna Maycock, is-Segretarju Ġenerali għal-lobby tan-Nisa Ewropej rrimarkat li l-ħidma tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri kważi waqfet. Hi semmiet kif minkejja l-iżviluppi kbar favur in-nisa li saru fi snin preċedenti, jidher li fl-aħħar snin ma tantx sar progress. Maycock insistiet li meta wieħed jikkonsidra li n-nisa jagħmlu aktar minn 50% tal-popolazzjoni Ewropea, wieħed jirrealizza li n-nisa ma humiex minorita.