Ħafna sorpriżi waqt Elf Metodu

Minkejja li l-istorja ta’ Karen qed toqrob lejn tmiemha, il-kobba għadha mħabbla mhux ħażin. Il-ħdax -il episodju ta’ Elf Metodu li se jixxandar illejla fid-9.15pm fuq l-istazzjon One se jdaħħalna fid-dar ta’ Louis u l-mara tiegħu Edna. 

Lil Louis rajnih diversi drabi fil-ħanut tal-gazzetti, dejjem jilqa’ lil kulħadd bit-tbissima speċjalment lil Karen, u lil Edna ltqajna magħha fis-salon ta’ Karen. Iżda issa wasal iż-żmien li nsiru nafuhom aħjar. Min hu Magic? X’mar jagħmel għandhom? U Karen kif taf bih?

Karen, Jen u Jo reġgħu għal li kienu. Il-ħbiberija tagħhom hija wisq soda biex jaslu jitilfu ‘l xulxin.  Tgħid wara t-tagħlima li taw lil Vanessa se jidħlu f’xi basla oħra? 

Maggie u Alistair għadhom għaddejjin bl-investigazzjoni u mhumiex jaqblu bejniethom.  Issa donnu li anke Alistair qed jiddubita mill-innoċenza ta’ Karen. X’se jirnexxielhom jiskopru mill-ispycams li waħħlu fid-dar ta’ Karen? U xi jkunu l-konsegwenzi jekk xi ħadd jinduna bil-bawxata li għamlu? 

Dan l-episodju fih ħafna sorpriżi u, għal dawk kollha li mmisjawh, se jidher Elvis fih ukoll!

Elf Metodu għandha kitba ta’ Simon Bartolo fuq idea ta’ Mark Doneo.