Ħafna ppruvaw iwaqqfu dal-ktieb dwar Trump, iżda llum se jiġi ppubblikat

Ktieb kontroversjali b’allegazzjonijier serji dwar l-amministrazzjoni tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, se jkun ippubblikat proprju llum, minkejja tentattivi varji biex jiġi mblukkat.
L-awtur tal-ktieb, Michael Wolff, ħabbar dan ilbieraħ wara li sippost il-ktieb kellu jkun fuq l-ixkafef tal-ħwienet nhar it-Tlieta li għaddew, iżda sab bosta avukati tal-pajjiż ixekklu l-pubblikazzjoni tiegħu.
Fost l-oħrajn, il-ktieb jikkwota lil Steve Bannon, eksajjutant tal-Gvern, jistqarr li kien hemm laqgħa sigrieta bejn persuni minn Trump Tower li kienu involuti fil-kampanja elettorali ta’ Trump u grupp ta’ Russi.
Fil-ktieb Bannon, li tkeċċa mill-White House f’Awwissu li għadda, jiddeskrivi dil-laqgħa bħala waħda ta’ tradiment kbira lejn l-Istati Uniti.
Din il-laqgħa li qed isemmi Bannon kien hemm fiha iben Trump, Donald Trump Jr, u qed tiġi investigata bħalissa wara xnigħat b’saħħithom li r-Russja għenet biex Trump jirbaħ it-tiġrija ma’ Hillary Clinton biex isir president.
Min-naħa tiegħu, fi tweet, Trump qal li ma ta ebda aċċess lill-kittieb fil-White House, jiġifieri l-informazzjoni li se jippubblika ma ħadhiex minn hemmhekk, filwaqt li ddeskriva l-ktieb bħala wieħed mimli gideb, nofs veritajiet u sorsi li ma jeżistux. Staqsa wkoll lill-pubbliku biex iħares lejn il-passat tal-kittieb.
Dwar Bannon, Trump qal li dan tilef rasu meta keċċieh f’Awwissu li għadda.
Fost l-affarijiet oħra li wieħed se jsib fil-ktieb Fire and Fury: Inside the Trump House:

  • Li t-tim ta’ Trump kien itterrorizzat meta rrealizza li Trump vera rebaħ l-elezzjoni
  • Li martu qabadha dwejjaq kbir dakinhar tal-elezzjoni
  • Li bintu kellha diġà pjan ma’ żewġha li se tkun l-ewwe president mara tal-Istati Uniti