‘Ħafna Nsara aktar huma pronti biex jaqtgħu l-kundanna’ – L-Isqof t’Għawdex

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech qal li ħafna Nsara aktar huma pronti biex jaqtgħu l-kundanna u jiskomunikaw, milli biex idewqu t-tjubija u l-ħniena ta’ Alla.
Fl-omelija tiegħu fil-Manifestazzjoni Marjana li saret f’Marsalforn, l-Isqof t’Għawdex ikkwota osservazzjoni li kien għamel Jonathan Swift, l-awtur tal-ktieb Gullivers’ Travel, kif fil-Vanġelu, ħafna Nsara aktar isibu motivi biex jikkundannaw u jiġġudikaw, milli jsibu raġuni biex iħobbu lil ħaddieħor.
Spjega li għalkemm għaddew madwar tliet mitt sena minn meta saret, din l-osservazzjoni għadha tgħodd għal-lum ukoll.
Qal li ħasra li wħud mill-Insara sabu ruħhom fil-Knisja mhux b’għażla tagħhom imma għaliex ħaddieħor għażel għalihom. Spjega li b’din l-għamla ta’ appartenenza lejn Kristu u l-Knisja, ‘mhux possibbli li ngħixu ħajja Nisranija awtentika’.  
Spjega li jekk wieħed ma joqgħodx attent, hemm il-periklu li l-Knisja tiqdiem u tixjieħ għax titlef il-freskezza tal-fidi.  
‘It-twemmin Nisrani mhux biss wirt li għaddewlna ta’ qabilna; mhux biss tradizzjonijiet reliġjużi, u lanqas ma huwa biss xi ħaġa kulturali,’ spjega l-Isqof Grech.  Qal li mingħajr l-esperjenza personalizzata hemm ir-riskju li nirrendu r-reliġjon tagħna għal sistema ta’ regoli morali.
Qal li min irid li l-Knisja tibqa’ żagħżugħa, għandu joħloq aktar spazju f’ħajtu għal Ġesù.