“Ħafna nisa qed jinqabdu f’darhom ma’ dak li jabbużahom u jweġġagħhom” – Audrey Friggieri

Audrey Friggieri. Ritratt: Reuben Piscopo / DOI

Diversi torrijiet madwar Malta u Għawdex, li storikament kienu għassa tal-kosta Maltija u allura huma simbolu ta’ protezzjoni u saħħa, se jkunu qed jinxtelgħu bil-kulur oranġjo għal sittax-il ġurnata ta’ għarfien u attiviżmu kontra l-vjolenza domestika.

Din il-kampanja ġiet imnedija quddiem it-Torri ta’ Wignacourt f’San Pawl il-Baħar minn mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi Clayton Bartolo, il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi Rosianne Cutajar, kif ukoll il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri. 

Ritratt: Reuben Piscopo / SOI

Fit-tnedija ta’ din il-kampanja, Dr Lydia Abela qalet li fix-xogħol legali tagħha tiltaqa ma’ ħafna nisa li jitolbuha biex tgħinhom għax ma jkunux jistgħu jifilħu iktar lir-raġel jerfa’ jdejh fuqhom jew jistaqsuha kif se jagħmlu biex jipproteġu lil uliehdom. Iżda mbagħad dawn il-vittmi jibżgħu jirrapurtaw, għax iħossu li jħobbu lir-raġel tagħhom u ma jridux jispiċċaw il-qorti u jkissru l-familja.

Qalet li tiltaqa’ wkoll ma’ rġiel li ma jkunux jifilħu aktar l-abbuż verbali mill-mara tagħhom, bi kliem li jweġġa’ ta’ kuljum li jista’ jwassal għal problemi mentali.

Il-mara tal-Prim Ministru saħqet li s-soċjetà spiss tiftakar fil-vjolenza domestika meta tara swat fuq individwu jew persuni vulnerabbli bħal anzjani u persuni b’diżabbiltà li jistgħu jkunu iktar f’riskju ta’ vjolenza domestika. Qalet li l-każijiet ta’ vjolenza domestika m’għandhomx iwasslu biex niġġudikaw u lanqas għandhom jitqiesu bħala statistika biss.

Għalhekk, f’dawn is-sittax-il ġurnata ta’ attiviżmu, Dr Lydia Abela se tisma personalment mingħand il-vittmi sabiex, filwaqt li titqajjem aktar kuxjenza, pajjiżna jkompli jara fejn hemm bżonn ta’ iktar investiment favur l-istrateġija li jinħolqu servizzi aċċessibbli għal aktar nies.

Clayton Bartolo. Ritratt: Reuben Piscopo / SOI

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumaturi Clayton Bartolo semma kif permezz ta’ din il-kampanja qed nixgħelu l-fjamma tal-għarfien dwar is-suġġett tal-vjolenza domestika. “L-għan tagħna bħala politiċi huwa li quddiem dan kollu lil dawn il-vittmi nġibuhom gwerriera. Gwerriera mhux fil-ġlied, imma fil-jedd li jkollom il-kuraġġ, jitkellmu u jsibu l-għajnuna,” kompla jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. Finalment, huwa saħaq li f’dawn is-16-il jum irid joħorġ iżjed fid-deher mhux biss il-kuluri tat-torrijiet imma l-kuraġġ li jinħarġu mijiet, jekk mhux eluf, mill-problema tal-vjolenza domestika. 

Edward Zammit Lewis. Ritratt: Reuben Piscopo / SOI

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l- Governanza Edward Zammit Lewis irrimarka li l-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa hija kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali tal-bniedem, u li tidditermina kemm aħna progressivi bħala soċjetà. Din tħalli ħsara mhux biss fuq il-vittma iżda anka fuq il-familjari u s-soċjetà in ġenerali. F’ċertu waqtiet il-vjolenza kontra n-nisa hija marbuta ma’ kwistjoni li mara ma tkunx ekonomikament indipendenti. Saħaq fuq l-importanza li ninvestu biex ngħinu lin-nisa Maltin jidħlu fid-dinja tax-xogħol permezz ta’ miżuri bħalma huma childcare b’xejn u l-in-work benefits. Għandom jitieħdu l-passi meħtieġa biex din il-problema tiġi indirizzata bħal l-għajnuna legali,  li tingħata b’xejn 24/7 lil vittmi li qed issoffru minn xi tip ta’ vjolenza. Il-Ministru għalaq billi enfazizza li l-ebda mara ma għandha titqies inqas minn raġel, u bl-istess mod raġel ma għandux jħoss li għandu xi dritt divin fuq mara.

Rosianne Cutajar. Ritratt: Reuben Piscopo / SOI

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet Ċivili u r-Riformi Rosianne Cutajar saħqet li minkejja li fil-maġġoranza tal-każijiet il-vittmi tal-vjolenza domestika jkunu nisa, tajjeb li niftakru u nfakkru fid-diversi kampannji ta’ għarfien illi hemm ukoll vittmi rgiel. Is-Segretarju Parlamentari kompliet id-diskors tagħha billi qalet li bħala Gvern irridu nibqgħu naħdmu biex b’mod konkret nipproteġu lill dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta’ tagħna. B’hekk biss jkollna Malta aktar b’saħħitha u ugwali. Temmet billi rringrazzjat lil Dr Lydia Abela tal-kontribut u l-impenn tagħha f’din il-kawża tant importanti.

Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri rrimarkat li “Mhux kull dar tagħti kenn” hija t-tema magħżula mill-Kummissjoni dwar Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika għas-Sittax-il-Jum Internazzjonali ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru 2020 – sena ddominata mill-pandemija tal-Covid-19. “Filwaqt li rridu nipprattikaw id-distanza soċjali għas-sigurtà tagħna, ħafna nisa qed jinqabdu f’darhom ma’ dak li jabbużahom u jweġġagħhom. Din qed tissejjaħ pandemija doppja. Jeħtieġ inkomplu naħdmu flimkien sabiex jieqfu l-abbuż u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, u sabiex tinqered l-istigma assoċjata magħhom. Il-vjolenza domestika hija problema tas-soċjetà kollha kemm hi. Tkellem! B’telefonata waħda tista’ ssalva ħajja. Ċempel 179,” temmet tgħid il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri. 

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.