“Ħafna nisa jaħdmu part-time biex ilaħħqu mhux għax iridu” – lekċerer

Ħafna nisa li jaħdmu xogħol part-time qed jagħmlu dan mhux għax iridu imma għax ma jistgħux ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja skont il-lekċerer Dr Josanne Cutajar.

Cutajar, lecturer fil-Fakultà tat-Tisħiħ Soċjali, qalet li l-Gvern stess qed jgħid li l-paga minima mhix biżżejjed. Dan qalitu waqt konferenza dwar id-dħul minumu għal-ħajja diċenti f’Dar l-Ewropa fil-Belt Valletta organizzata mill-Forum ta’ Kontra l-Faqar f’Malta.

Il-European Minimum Income Network (EMIN) qed titlob għal azzjoni konkreta biex jara t-twettiq progressiv ta’ skemi ta’ dħul minimu adegwati, aċċessibbli, u li jippermettu, bħala parti minn sistemi komprensivi ta’ protezzjoni soċjali appoġġjati mill-Unjoni Ewropea (UE).

L-EMIN tiddeskrivi lilha nnifisha bħala Netwerk Informali ta’ organizzazzjonijiet u individwi impenjati biex jiksbu r-realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal skemi tad-Dħul Minimu adegwati, aċċessibbli, u li jippermettu.

Skont in-netwerk, dan huwa importanti għax kważi 199 mijun persuna fl-UE huma f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Qal li jekk skemi ta’ dħul minimu jkunu mfassla tajjeb, dan ikun ta’ appoġġ lill-familji biex jgħixu b’dinjità u biex jintegraw fis-suq tax-xogħol.

Il-Professur Lino Briguiglio li kien ukoll wieħed mill-kelliema qal li teżisti problema ta’ inflazzjoni.

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li l-faqar ma jitlobx atti ta’ karità imma impenn fuq il-ġustizzja soċjali.

Il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-veru fqir ma jittallabx mal-politiċi iżda wieħed irid imur iħabattlu u jħoss il-faqar b’idejh.

Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li r-riċerka turi li jekk wieħed ikun għex ħajtu bi ftit riżorsi, dak li jkun se jidħol fl-anzjanità bi ftit riżorsi wkoll. Decelis qal li waħda mill-miżuri li ħa l-Gvern biex itaffi l-faqar kien li joħloq kemm jista’ jkun opportunitajiet ta’ xogħol, inkluż għall-persuni b’diżabilità. Qal li jekk wieħed jidħol jaħdem, se jingħata dinjità u anke dħul li mbagħad jista’ juża biex itejjeb affarijiet oħra f’ħajtu.