“Ħafna nies għadhom sajmin dwar Alla” – L-Isqof Mario Grech

L-Isqof Mario Grech qal li ħafna nies għadhom sajmin dwar Alla, minkejja li saru diversi teatrini li jsejħulhom purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira.
Waqt ċelebrazzjoni tas-siegħa tal-Omm f’Sibt il-Għid, Mons. Grech qal li kieku verament nidħlu fil-qalba tal-misteru li qegħdin niċċelebraw, kieku dan il-jum tas-Sibt Qaddis niddistingwuh minn Sibtijiet oħra u nagħżlu li nakkumpanjaw lil Marija.
Mons. Grech qal bħal Omm, Marija, kellha kemm kellha fidi f’Alla, tħoss għax tilfet lil Binha.
Qal li Marija filwaqt li tilfet lil binha bħala bniedem, hija tilfet ukoll lil dawk li tilfu lil Kristu.
Mons. Grech qal li d-dulur ta’ Marija huwa kbir għax dan il-poplu li difen lil Kristu kien poplu reliġju.
Żied jgħid li minkejja din il-qoxra reliġjuża, il-poplu baqa’ ma ntebaħx li Alla niżel jimxi fit-toroq ta’ beltu.
Qal li huwa minnu li l-Lhud b’mod skrupluż kienu josservaw l-obbligu li jidħlu fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, imma jissuspetta li kellhom ħafna mit-turiżmu reliġjuż ta’ żmienna.
Spjega li xi drabi nidħlu fi knisja mhux b’għażla imma kumbinazzjoni, għax naħbtu nkunu għaddejjin minn quddiemha jew għax hekk tgħid il-liġi jew it-tradizzjoni; u mbagħad ladarba riġlejna jeħduna fil-knisja, forsi ngedwdu ftit talb bl-amment, nixegħlu xi xemgħa quddiem statwa, naraw ftit it-tiżjin tal-knisja u nitilqu ’l barra.
Saħaq li din it-tiċpisa reliġjuża ma tgħinx biex il-bniedem jiftaħ il-bieb ta’ qalbu għal Kristu.