“Ħafna minna ma jindunawx li hawn min qiegħed jgħix fil-faqar” – Tyrone Grima

B’kitba, direzzjoni u produzzjoni ta’ Tyrone Grima, Zayden hija l-istorja vera ta’ ġuvni Malti, interpretat mill-attur Jacob Piccinino, li ssielet f’ħajtu għax għex mingħajr saqaf fuq rasu, u li turina kemm dawn is-sitwazzjonijiet saru problema f’pajjizna.

Tyrone Grima

Fl-intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, Grima jispjega li fil-bidu x-xewqa tiegħu kienet li jkun attur, iżda wara ftit snin induna li l-linja tiegħu kien bħala kittieb u direttur, għax seta’ jesprimi l-kreattività tiegħu aħjar.

Zayden hija storja vera li turina x’għadda minnhom dan il-ġuvni, b’stejjer ta’ qsim il-qalb… b’stejjer ukoll avventurużi u komiċi.

Grima ilu xi ftit jaħdem bħala Head of Care mas-Salesjani f’Dar Osanna Pia, dar għaż-żgħażagħ li m’għandhomx saqaf taħt rashom.

“Kemm ilni naħdem hemmhekk skoprejt li hawn ħafna stejjer ta’ faqar f’pajjiżna li ma nafux bihom u li jibgħu moħbijin,” huwa jgħid, “Iddeċidejt li ngħaqqad l-imħabba tiegħi għat-teatru mal-ħidma pastorali tiegħi. Wieħed mir-residenti qasam miegħi l-istorja ta’ ħajtu u tani permess li ntellagħha bħala produzzjoni teatrali.”

Skont Grima, din hija kwistjoni li forsi ma tantx għandna għarfien dwarha.

“Ħafna minna jgħixu fil-kumdita’ tagħhom u għalhekk ma jindunawx li hawn min qiegħed jgħix fil-faqar. Huwa minnu li f’Malta ma narawx xeni kif naraw fl-ibliet il-kbar barra minn xtutna fejn tilmaħ nies barra jittalbu. Imma nies jgħixu f’karrozzi u f’bini kkundanat hawn, u mhux wieħed jew tnejn. Nemmen li biex ikun hemm bidla l-ewwel ħaġa li trid issir hija li nindunaw li l-problema qiegħda hemm u li qiegħda tikber, u li ma nistgħux iktar nibqgħu ngħattu rasna taħt it-tapit.”

Grima jgħid li l-iktar persuna importanti f’din il-produzzjoni huwa bla dubju ta’ xejn l-attur, Jacob Piccinino:

“Din il-produzzjoni teħtieġ attur li kapaċi jżomm l-enerġija meħtieġa biex iżomm l-udjenza attenta. Irid ikun kapaċi jdaħħaq kif ukoll jikkomwovi lin-nies. Bit-taħriġ li għandu minn Pariġi fl-arti tal-mima, għalija Jacob kien l-unika wieħed li seta’ jqaxxar din il-parti.”

Nies oħra involuti huma Lisa Baldacchino, studenta tal-Performing Arts li ħa tieħu ħsieb id-dawl. Il-fotografija u l-poster kienu fl-idejn tal-istudenti tal-MCAST li b’ħila kbira ħoqlu estetika interessanti.

“U fl-aħħar mill-aħħar nixtieq insemmi lis-Salesjani, partikolarment lil Fr Savio Vella, Fr Paul Formosa u John Role, flimkien mal-Past Pupils, li kienu ta’ sostenn kbir fuq ħafna livelli ta’ produzzjoni. Urewni fiduċija kbira u ta’ dan nibqa’ nafulhom,” jgħid Grima.

Għaliex in-nies għandhom jaraw din il-produzzjoni?

“Għandhom jiġu għax din hija storja vera li ġrat f’pajjiżna, u bħalha ġraw, u qed jiġru, oħrajn,” jikkonkludi Grima, “Għandhom jiġu għax din hija storja umana moħbija u wasal issa ż-żmien li dawn l-istejjer joħorġu. Għandhom jiġu għax ħa jitbissmu u jidħqu, għax xi kultant ħa jxiddu xi demgħa, imma għandhom jiġu fuq kollox għaliex din il-produzzjoni ħa ġġiegħlhom biex l-għada jqumu fuq saqajhom u jagħmlu l-parti taagħhom biex nibnu soċjetà aħjar flimkien.”

Zayden se titella’ bejn l-25 u t-28 ta’ Lulju fl-Isplendid, Strada Stretta, il-Belt Valletta. Il-biljetti jinkisbu online.

Il-qliegħ minn din il-produzzjoni ħa jingħata lis-Salesjani ta’ Don Bosco għall-ħdima tagħma maż-żgħażagħ li m’għandhomx saqaf fuq rashom.