Il-Papa Franġisku appella għall-Paċi fis-Sirja

Wara li qal it-talba tar-Regina Coeli flimkien ma’ dawk kollha li nġabru fi Pjazza San Pietru, f’jum il-Ħniena Divina, il-Papa Franġisku għamel appell speċjali għall-Paċi fis-Sirja.
Il-Papa qal lil dawk kollha preżenti li l-aħbarijiet li qed ixandru dak li għaddej fis-Sirja huma orribli. Spjega kif il-bumbardamenti qatlu mijiet ta’ ħajjiet, inkluż bosta nisa u tfal.
Wara r-rapporti li ħarġu llum dwar il-bombardament fejn intużaw kimiċi sabiex iweġġgħu u jaħsdu l-ħajjiet ta’ persuni innoċenti, il-Papa appella sabiex kulħadd jitlob għal dawk kollha li mietu u ndarbu, kif ukoll il-familji kollha li qed ibagħtu.
Il-Papa żied jgħid li m’hemm l-ebda gwerra tajba jew ħażina, u li m’hemm xejn li jista’ jiġġustifika l-użu ta’ strumenti li joqtlu popolazzjonijiet li lanqas biss huma armati.
Għadd ta’ persuni nqatlu wara attakk kimiku li sar ilbieraħ fuq il-belt tal-Lvant ta’ Ghouta li hija okkupata mir-ribelli.
Filwaqt li s-Syrian American Medical Society (SAMS) qalet li 41 persuna nqatlu sforz ta’ dan l-attakk, skont rapporti ta’ midja internazzjonali, qed jingħad li jista’ jkun hemm mal-150 persuna mejta.
Min-naħa l-oħra, l-istat Sirjan issapportjat mir-Russja, qed jgħid li ma kienx hu li wettaq dan l-attakk. Il-Gvern Sirjan qal li ir-ribelli qed ixerrdu informazzjoni falza.
Il-katavri ta’ madwar 12-il il-persuna, inklużi tfal dehru ġo filmat li kien qed jiġi mxerred fuq il-midja soċjali, bi wħud minnhom saħansitra kellhom ir-ragħwa f’ħalqhom kawża tal-kimika li belgħu minħabba l-attakk.