“Ħafna ma jafux kif jaġixxu ma’ persuna b’diżabilità” – Jeanesse

Xi ħaġa li titfa’ lura persuni b’diżabilità hija li ħafna nies ma jafux kif jaġixxu ma’ persuni li għandhom xi diżabilità.

Dawn kienu kliem Jeanesse Abela, mara b’diżabbiltà li kontinwament tissielet sabiex turi lis-soċjetà li ħadd m’għandu jwarrab persuni bħalha. Abela kemm-il darba titkellem fuq il-mezzi soċjali u tesprimi li wieħed qatt ma għandu jħares lejn persuna b’diżabilità bħala “anġlu”, persuna li għandha bżonn il-fejqan jew inkella “xi dnub”. Abela insistiet li persuni b’diżabilità jridu biss jitqiesu bħala umani, ċittadini bħal kulħadd u jingħataw l-opportunità li jintegraw fis-soċjetà.

Aqra: “Hemm affarijiet li għal ħafna minnkom m’huma xejn; apprezzaw li għandkom” – Jeanesse Abela

Abela tagħmel ħilitha wkoll biex tuża l-vuċi tagħha u fejn tista’ titkellem. Hi spjegat li hemm tendenza li għax ma titkellimx ċar, bosta jaħsbuha li ma tifhimx. Insistiet li dan mhux il-każ. Qalet ukoll li hemm tendenza li dawk li jkunu qed jisimgħuha, ħafna drabi lanqas jagħtuha ċans tispiċċa s-sentenza li tkun qed tgħid. Tappella li min jismagħha jagħtiha ċ-ċans issemma leħinha u b’hekk tkun tista’ turi aħjar dak li kapaċi tagħmel.

Abela tinsisti ħafna wkoll li persuni b’diżabilità għandhom id-dritt u x-xewqa li jkollhom relazzjonijiet u anke attività sesswali bħal kull uman ieħor.

“L-aċċessibilità tal-bankini hija problema”

Ma’ Newsbook.com.mt Abela semmiet kif waħda mill-problemi li persuni b’diżabilità jaffaċċjaw ta’ kuljum, partikolarment dawk li jagħmlu użu mis-siġġu tar-roti, hija n-nuqqas ta’ aċċessibilità. Spjegat li f’Malta hawn nuqqas ta’ rampi fil-bankini, ħwienet, ristoranti u postijiet pubbliċi. Semmiet ukoll li fuq il-bankini wieħed isib ħafna intoppi bħal boroż taż-żibel, arbli fin-nofs u ġieli anke ħofor.

Aqra: Filmat: Ninsew il-perikli meta bankina tkun ingumbrata – Scicluna

Riċentament, Newsbook.com.mt tkellem mal-Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna li qal li ħafna persuni jinsew il-perikli li jinħolqu meta l-bankini jkunu ingumbrati.

Scicluna kien qed jiġi intervistat dwar l-iżvilupp u kif dan jista’ joħloq perikli ġodda għal persuni b’diżabilità. Stqarr li n-nuqqas ta’ spazji miftuħa jħallu effett ukoll fuq is-saħħa mentali ta’ dawn il-persuni.

Jekk tixtieq iżżomm ruħek aġġornat mal-ħajja ta’ Jeanesse tista’ tagħmel dan fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook.