Ħames sigħat ta’ dlam, traffiku u tidlik

Aġġornata 02:00
Dlam ċappa, sħana, tidlik, traffiku, storbju tal-generators, nies fit-toroq, alarms ta' ħwienet u djar idoqqu. Din kienet is-sitwazzjoni għal ħames sigħat sħaħ ilbieraħ filgħaxija fil-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex.
Dan wara li għall-ħabta tat-7.50pm, inqata' d-dawl minħabba ħsara f'wieħed mill-units li jiġġenera l-elettriku fil-power station ta' Delimara u splużjoni f'parti miċ-ċentru tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Marsa.  Ħadd ma weġġa' f'din l-isplużjoni. Il-Pulizija, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u ħaddiema mit-Taqsima tan-Nirien tal-Enemalta tfew in-nirien.
Il-qtugħ tad-dawl wassal ukoll biex għal xi ħin ingħalaq l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta b'erba' titjiriet li kienu ġejjin minn Spanja, in-Norveġja, l-Iskozja u l-Italja, ġew devjati lejn l-ajruport ta' Katanja. Wara numru ta' sigħat, il-ħidma fl-ajruport issoktat b'mod normali, iżda l-passiġġieri huma avżati li jżuru s-sit www.maltairport.com biex jaġġornaw ruħhom dwar il-ħinijiet tat-titjiriet.
Barra minn hekk, xi restoranti f'lukanda ewlenija f'San Ġiljan ġew evakwati minħabba raġunijiet ta' sigurta'.
Fi stqarrija, il-Korporazzjoni Enemalta qalet li l-provvista tal-elettriku reġgħet lura għan-normal kważi kullimkien, għal ħabta tas-1.30 ta' dalgħodu.  Dan minbarra l-inħawi li huma konnessi maċ-ċentru tad-distribuzzjoni fil-Marsa. Dawn jinkludu partijiet minn Birżebbuġa, il-Furjana, Ħal Farruġ, Ħal Luqa, il-Marsa, Ħal Qormi, is-Siġġiewi, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta u Ħaż-Żebbuġ.
Filwaqt li l-pulizija qed tinvestiga l-każ, l-Enemalta nediet inkjesta interna biex tiġi identifikata l-kawża tal-isplużjoni, biex tevalwa l-ħsara u tidentifika x'miżuri għandhom jiġu implimentati biex jiġu evitati diffikultajiet simili.
Aktar kmieni
Għadd ta’ lokalitajiet f’Malta spiċċaw mingħajr il-provvista tal-elettriku.
Il-qtugħ ta’ dawl seħħ għal ħabta tat-7:50pm.
Hu mifhum li huma bosta l-lokalitajiet li m’għandhomx dawl.
Qed jissemmew lokalitajiet bħal Ħal Qormi, Mosta, San Ġiljan, Blata l-Bajda, San Pawl il-Baħar, Swieqi, Ħ’Attard, Birgu u Ħal Balzan li kollha jinsabu mingħajr dawl.
F’Mater Dei, id-dawl inqata’ ukoll iżda wara ftit sekondi, il-provvista tal-elettriku nqalbet fuq il-generators.