Ħafna jqisu li mhux sigur li jintużaw ir-roti – Attard Tonna

Read in English.

Dr Michelle Attard Tonna mill-Bicycle Advocacy Group qalet li ħafna nies f’Malta jibżgħu jużaw mezzi alternattivi ta’ trasport għax iħossu li t-toroq mhux siguri biżżejjed għalihom, kemm jekk iridu jużaw ir-roti jew iridu jimxu fit-toroq.

Dr Attard Tonna kienet qed titkellem waqt Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt.

Hija qalet li l-liġi tobbliga lill-awtoritajiet jipprovdu sistema integrata li mill-ewwel taħseb għal forom differenti ta’ trasport u mhux tagħmel lanes għar-roti jekk ikun hemm spazju biss. Ħafna nies igergru li ħafna lanes għar-roti mhumiex siguri għax fihom jipparkjaw, jgħaddu tal-linja u wħud jibqgħu deħlin ġol-ħajt. Hija wriet diversi slides li juru l-problemi li jiltaqgħu magħhom dawk li jippruvaw jużaw il-lanes għar-roti. 

Żiedet tgħid li d-disinn kif tkun magħmula t-triq huwa importanti ħafna qalet Dr Attard Tonna, waqt li żiedet tgħid li l-infurzar tal-liġijiet huwa problema kbira. Uriet ritratti ta’ double parking quddiem għassa tal-pulizija partikolari u ta’ ħafna postijiet fejn m’hemmx post biex dak li jkun ipoġġi r-rota meta jasal fid-destinazzjoni tiegħu. 

Qalet li anke saret problema li tħalli t-tfal jimxu barra minħabba t-traffiku jew li tuża pram għax ikun hemm karrozzi ipparkjati fuq il-bankina.