“Ħafna ġurnalisti Ewropej intimidati, attakkati u maqtula” – Timmermans

State of the Union 2018 - statement by Jean-Claude JUNCKER, President of the EC

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans f’kitba fuq Twitter saħaq li ħafna mill-ġurnalisti Ewropej qed jiġu intimidati, attakkati jew saħansita maqtula. Insista li jrid isir iktar biex tiġi protetta d-demokrazija Ewropea u l-aġenti tagħha, jiġifieri l-istampa ħielsa u ġusta.

Timmermans kien qed iwieġeb għal dak li qal il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker waqt is-sessjoni plenarja indirizzata minnu, fejn qal li m’hemmx demokrazija jekk m’hemmx libertà tal-istampa.

Fit-tweet tiegħu, Timmermans reġa’ fakkar li għandu jkun hemm ġustizzja għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, filwaqt li insista li l-Ewropa għandha tkun post fejn il-libertà tal-istampa għandha tkun sagrosanta.

Is-sessjoni tal-Erbgħa fil-Parlament Ewropew kienet dwar l-Istat tal-Unjoni. Fid-diskors li dam għaddej tliet kwarti, Juncker qal li l-immigrazzjoni, l-ħasil tal-flus, il-politika barranija u t-twaqqif tal-bidla fil-ħin tas-sajf huma fost il-prijoritajiet tiegħu u tal-Kummissjoni Ewropea.