Ħafna dwal jinxtegħlu kontra l-abort bejn illum u għada

Il-grupp Dawl u Rigal fakkar li fid-dinja qegħdin jinqatlu bl-abort mal-120,000 tarbija kuljum.

Minħabba f’dan il-fatt, qed jorganizzaw attività biex ifakkru lit-trabi li nqatlu bl-abort, jitolbu biex l-abort jieqaf, ikunu ta’ dawl għad-dinja u juru li t-tarbija u d-don tal-ħajja huma rigali prezzjużi.

L-attivita’ tibda llum, lejliet id-Duluri u tibqa għaddejja s’għada fuq il-Fosos tal-Furjana. Ser jinxtgħelu numra ta’ xemgħat li ser jippreżentaw it-trabi maqtula.

Illum se ssir quddiesa fit-3:30pm, fil-Kappella ta’ Sarria il-Furjana. Wara jittpoġġew u jinxtegħlu xemgħat. Kull siegħa tingħad it-talba tar-Rużarju u xi riflessjonijief bibliċi. Wara l-10:00pm, matul il-lejl, jitkompla t-talb.

Għada l-Ġimgħa 22 ta’ Marzu, Jum id-Duluri, se jkomplu bit-talb u riflessjonijiet mis-7:00am. Fl-12:30pm l-attività tgħalaq b’ringrazzjament lil Alla.

Kulħadd huwa mistieden li jattendi, u jkun apprezzat li kull min jattendi jieħu miegħu xemgħa. Min ma jistax jattendi jista’ joffri xemgħa biex tinxtgħel f’dawn il-jiem.